Join Us On:

News Archive

‘GĦALIEX JIEN?’ GĦAL DARB’OĦRA

Il-musical ‘Għaliex Jien? Il-passjoni b’differenza’ se jerġa’ jittella’ fuq talba ġenerali mill-pubbliku, nhar Ħadd il-Palm, il-Ħadd 17 t’April fit-3.30pm. Il-produzzjoni se terġa’ ssir fuq il-palk tat-Teatru Astra u għal darb’oħra se terġa’ tlaqqa’ l-110 attur biex jinterpretaw il-kliem ta’ Joe Chircop u l-mużika ta’ Mark Tonna, Andrew Zammit u Patrick Vella. 

Jieħdu sehem ukoll iż-żeffiena ta’ Centre Stage Dance Academy. Il-musical jirrakkonta waħda mill-iktar stejjer magħrufa fl-istorja tal-bniedem, imma jeħodha lil hinn mill-mument li fih Ġesù ġie msallab, b’mod mhux tas-soltu. L-istorja twassal din il-ġrajja anke f’kuntest pjuttost kontemporanju billi teħodha b’ċertu qawwa kontra l-ipokresija u l-inġustizzja, preżenti fi żmien Ġesù u li wasslu anke għal mewtu, u preżenti wkoll fil-kuntest soċjali tal-lum. Min-naħa l-oħra l-musical jittratta wkoll valuri bħall-imħabba, il-lealtà, ir-responsabilità u l-battalja dejjiema ta’ bejn it-tajjeb u l-ħazin, u b’mod rikorrenti jistaqsi l-mistoqsija li jistaqsu ħafna meta jaraw biss id-dlam ‘Għaliex Jien?’. 

Il-Booking għal din ir-rappreżentazzjoni addizzjonali diġà fetaħ bil-biljetti jistgħu jinkisbu għall-prezz ta’ €10 mill-Bar tat-Teatru Astra jew inkella permezz tan-numri tat-telefon 21556256 jew 7925 6897.  

Photos: Joe Attard & Andrew Formosa