Join Us On:

News Archive

GĦADA “SOUNDTRACKS ALIVE” FIT-TEATRU ASTRA

Kollox jinsab lest biex għada fuq il-palk tat-Teatru Astra, jittella’ l-kunċert mużikali bl-isem: Soundtracks Alive: Music from the Movies – imtella’ mis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella. Fil-fatt, illejla l-banda flimkien maż-żeffiena minn Centre Stage Dance Academy ser jiltaqgħu għall-aħħar kunċert preparatorju, taħt id-direzzjoni ta’ George Apap, qabel l-ispettaklu ta’ għada li jibda fis-7.30pm. 

Illum fuq dan is-sit ser nagħtu ħarsa lejn il-mużika magħżula li ser tindaqq għada, b’kollox tlettax-il biċċa mużikali li għandhom jintlaqgħu ferm tajjeb mill-udjenza li ser taddendi għada għal dan il-programm mużikali b’differenza.

Il-kunċert ser jiftaħ bid-daqq ta’ 20th Century Fox Fanfare, b’mużika ta’ Alfred Newman – ftit battuti li jdaħħluna mal-ewwel fid-dinja taċ-ċinema. Warajha jkun imiss l-aktar silta mużikali famuża mill-film kolossali Ben-HurParade of the Charioteers, fuq mużika ta’ Miklos Rozsa. Il-programm ikompli b’selezzjoni popolari mill-film The Last of the Mohicans tal-kompożitur Trevor Jones. 

F’kunċert bħal dan ma jistax jonqos kompożizzjoni ta’ John Williams, li minn bosta xogħlijiet tiegħu għażilna siltiet mill-film Schindler’s List. Imiss imbagħad medley mill-isbaħ mill-film Beauty and the Beast, segwita mit-tema ewlenija tal-film Hatari – Baby Elephant Walk. Kompożitur ieħor li tiegħu għandna aktar minn film wieħed huwa Hans Zimmer, li mix-xogħlijiet tiegħu l-banda ser iddoqq: The Lion King; The Da Vinci Code u Spirit: Stallion of the Cimarron. Minn dawn it-tliet films popolari, il-mużika ta’ The Da Vinci Code ser tindaqq għall-ewwel darba minn banda lokali.

Ma jonqsux il-kompożizzjonijiet ta’ Nino Rota u Ennio Morricone li mill-pinna tagħhom għażilna films kbar bħalma huma: The Godfather u The Mission. Minn dan tal-aħħar ser tindaqq l-aktar tema famuża tal-film: Gabriel’s Oboe. Fl-aħħar nett, l-għażla tagħna għal dan il-programm mużikali tinkludi wkoll kompożizzjonijiet tal-kompożitur Amerikan James Horner, li fost il-bosta suċċessi tiegħu, l-banda ser tesegwixxi siltiet mill-film li kiser kull rekord: Titanic, u anke The Mask of Zorro, li biha ser jiġi fi tmiemu dan il-kunċert.

Ma fadal xejn ħlief li mill-ġdid nappellaw lil dawk kollha li jżuru dan is-sit, b’mod partikolari lill-partitarji tagħna, biex għada filgħaxija jingħaqdu magħna fit-Teatru Astra għal dan l-ispettaklu b’differenza. Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas. Il-kunċert jibda fis-7.30pm.