Join Us On:

News Archive

FESTIVAL FOLKLORISTIKU JAGĦLAQ FESTIVAL MEDITERRANEA

Serata ta’ folklor bis-sehem ta’ erba’ gruppi, minn Għawdex, mill-Italja, mill-Portugall u mir-Repubblika Ċeka, se ġġib fi tmiem id-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat mis-Soċjetà Filarmonika La Stella.
 
Is-serata tas-Sibt 27 ta’ Novembru, bl-isem L-Għabex u li tibda fis-7.30pm, se twassal spettaklu ta’ sagħtejn bis-sehem tal-erba’ gruppi fit-Teatru Astra. Id-dħul għal din is-serata hu b’xejn għalkemm se jkunu qed jintlaqgħu donazzjonijiet għall-Malta Community Chest Fund. L-erba’ gruppi tal-folk huma l-Grupp Folkloristiku Astra (Għawdex), I Salviani (Italja), Grupo Etnográfico de Danças e Cantares do Minho (Portugall), u Dylen Folk Group (Repubblika Ċeka).
 
Minbarra li jagħlaq l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea, is-serata hi l-qofol ta’ Festival Internazzjonali tal-Folk li se jkun qed isir fuq ħamest ijiem, organizzat mill-Grupp Folkloristiku Astra biex ifakkar l-40 sena mit-twaqqif tiegħu.
 
Il-festival tal-folk, li qed isir b’kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria, beda l-Erbgħa 24 ta’ Novembru u jibqa’ għaddej sal-Ħadd 28 ta’ Novembru. Fl-ewwel jum saru żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ żfin folkloristiku lill-anzjani, fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani f’Għawdex u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Il-Ħamis filgħodu l-gruppi se għamlu parata fit-toroq prinċipali tal-belt Valletta u filgħaxija, ħadu sehem f’serata folkloristika fiż-Żejtun.
 
Illum l-erba’ gruppi se jieħdu sehem f’ċerimonja fi Pjazza San Franġisk fil-belt Victoria, attivita’ għat-tfal tal-iskejjel fil-Kumpless Sportiv t’Għawdex u Ikla Gala u Festival tal-Inbid fi Pjazza San Ġorġ fil-belt Victoria. F’każ ta’ maltemp din l-attivita’ ssir fit-Teatru Astra.
 
Minbarra l-attivita’ tas-Sibt filgħaxija, il-Festival Internazzjonali tal-Folk jissokta matul tmiem il-ġimgħa kollu, fost l-oħrajn b’attivita’ fi Pjazza Indipendenza fil-belt Victoria s-Sibt filgħodu, parata matul it-toroq prinċipali tal-belt Victoria l-Ħadd filgħodu u animazzjoni ta’ Tieġ Tradizzjonali Malti fi Pjazza San Ġorġ, u serata l-Ħadd filgħaxija li tagħlaq dan l-avveniment ta’ ħamest ijiem.
 
Minbarra l-Ikla Gala / Festival tal-Inbid, l-attivitajiet kollha fi ħdan il-Festival Internazzjonali tal-Folk huma b’xejn.