Join Us On:

News Archive

FESTI SPEĊJALI U APPELL SINĊIER GĦALL-ĠENEROŻITÀ

Matul din is-sena s-Soċjetà Filarmonika La Stella qiegħda tiċċelebra festi speċjali biex tfakkar il-mija u ħamsa u għoxrin sena minn meta, fl-1894, iżżanżnet l-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, kapulavur tal-artist Malti Vincenzo Cremona. L-opra ta’ Cremona ġiet maħduma apposta biex tkun l-ewwel statwa tad-dimostrazzjoni li tintuża waqt festa esterna fil-Gżira Għawdxija, u llum il-ġurnata nqisu din l-istatwa bħala narrattiva artistika u simbolu tal-istorja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Il-festi speċjali tnedew uffiċjalment ix-xahar li għadda bil-marċ ta’ San Ġorġ ta’ April u l-wirja dwar ix-xogħlijiet tal-istatwarju Vincenzo Cremona fit-Teatru Astra.

Xahar ieħor inkunu fil-qofol ta-ċelebrazzjonijiet tal-Festa ta’ San Ġorġ, appuntament ewlieni għall-Belt Victoria, għal Għawdex u għas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ li huma l-organizzaturi tal-Festi esterni u interni ta’ San Ġorġ rispettivament.

Għal din is-sena speċjali s-Soċjetà Filarmonika La Stella qiegħda tniedi kampanja ta’ ġbir ta’ fondi onlajn. Wieħed jista’ jikkontribwixxi billi jagħfas fuq il-ħolqa ta’ hawn taħt.

https://www.teatruastra.org.mt/donate

Din is-sena bi pjaċir nistgħu nħabbru li, grazzi għall-għajnuna ta’ numru ta’ benefatturi, il-Festa tal-2019 ser ikollha numru rekord ta’ servizzi ta’ baned Maltin li jammontaw għal total ta’ sebgħa. Fost il-baned Maltin li ser ikunu qegħdin jagħmlu servizz fil-Festa ta’ San Ġorġ insibu:

  • il-Banda King’s Own – il-Belt Valletta,
  • il-Banda La Valette – il-Belt Valletta,
  • il-Banda Unjoni – Ħal-Luqa,
  • il-Banda Santa Katarina – iż-Żurrieq,
  • il-Banda Santa Elena – Birkirkara,
  • il-Banda San Ġorġ – Ħal Qormi (darbtejn).

Il-Festa ta’ San Ġorġ hi ċelebrazzjoni kbira li tferraħ lill-komunità tagħna u lil ħafna Għawdxin, Maltin u barranin oħrajn li jkollhom l-opportunità li jingħaqdu magħna f’dawk il-ġranet sbieħ ta’ Lulju.  Il-Festa hi wkoll waħda mill-attivitajiet l-aktar importanti għas-Soċjetà La Stella li bi dritt u b’unur torganizza l-festi esterni. Dan għandu jħossu kull partitarju tas-Soċjetà La Stella, u filwaqt li jħares lejn il-Festa bħala okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni u anki divertiment, jifhem ukoll l-obbligu li joffri s-sehem tiegħu, anki b’kontribuzzjoni finanzjarja.

Fil-ġranet li ġejjin membri tal-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà La Stella ser jibdew il-kampanja ta’ Ġbir għall-Festa fit-toroq tal-belt tagħna. Nappellawlkom biex, din is-sena, tfittxuhom minn rajkom iktar bil-ħerqa ħalli tagħtuhom il-kontribuzzjonijiet tagħkom għal dan il-għan. Inħossu li kull min hu partitarju għandu jikkontribwixxi skont il-mezzi tiegħu.

Nappellaw lilkom iż-żgħażagħ li bdejtu taħdmu u issa għandkom paga fissa biex intom ukoll tiġu konxji mid-dmir li għandkom li tfittxu lil min ikun qed jiġbor għall-Festa biex tagħtu r-rigal li jixraqlu lil San Ġorġ tagħna.

Kumitat Ġenerali
Soċjetà Filarmonika La Stella

Servizz tal-Baned 2019