Join Us On:

News Archive

FESTI KBAR FIL-GŻIRA TA’ ĠORĠI

Nhar il-Ħadd li għadda, intemmu bil-kbir il-festi f’ġieħ il-Patrun u protettur tal-Għawdxin San Ġorġ Martri. Illum ser inkompli naġġornaw dan is-sit b’aktar ritratti u nagħtu ħarsa lejn l-aħħar jumejn tal-festa.

Lejlet il-festa: 3 servizzi mill-banda La Stella
Is-Sibt 17 ta’ Lulju, kienet bla dubju l-aktar ġurnata impenjattiva għall-banda tagħna. Wara ġimgħa sħiħ ta’ servizzi, is-Sibt kien imiss tliet servizzi oħra marbutin mal-festa ta’ beltna. Filgħodu wara konċelebrazzjoni pontifikali fil-bażilika mmexxija minn Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi, Isqof Emeritu ta’ Għawdex, il-banda La Stella għamlet marċ qasir minn Pjazza San Ġorġ sas-sede tas-Soċjeta’ fi Triq ir-Repubblika. Hemm imbagħad, il-bandisti, il-membri tal-kumitat u diversi mistednin distinti kienu mistienda għal riċeviment fis-Sala Giardini Vella.  F’din l-okkażjoni, wara diskors mill-president tas-Soċjeta’, is-sur Paul Zammit fejn irringrazzja lil kull min ta sehmu biex kellna dawn il-festi kbar, is-surmast Vella preżenta biċċa xogħol mużikali ieħor tiegħu lis-Soċjeta’ – kompożizzjoni li ser tindaqq fil-programm annwali ta’ Novembru biex tfakkar l-erbgħin anniversarju tiegħu bħala direttur mużikali tal-istess Soċjeta’. Is-sur George Grech u rappreżentant ta’ Radju Malta wkoll ippreżentaw xogħlijiet oħra mużikali biex jindaqqu mill-banda tagħna. 

Filgħaxija mbagħad kien imiss servizz ieħor qasir fejn bħas-soltu l-banda għamlet marċ mill-każin La Stella sa Pjazza San Ġorġ fejn laqgħet il-wasla ta’ Mons. Isqof għat-translazzjoni solenni fil-bażilika. Fid-9.30pm wara programm mużikali mill-banda ċittadina King’s Own, il-banda tagħna sabet postha fuq il-planċier fejn hemm esegwiet l-innu immortali A San Giorgio Martire bis-sehem tal-kor u s-solisti. Wara ż-żewġ baned ħadu sehem fil-marċ singolari minn pjazza San Ġorġ sa Triq ir-Repubblika fejn hemm il-baned daqqew bħala massed band uħud mill-aktar marċi popolari fost briju grandjuż li ma naqas qatt matul il-ġimgħa kollha tal-festa. Fi tmiem il-marċ, fi pjazza San Franġisk kien hemm spettaklu mill-isbaħ ta’ logħob tan-nar tal-art li għalaq bil-kbir ġurnata oħra ta’ ċelebrazzjonijiet kbar.

Jum il-festa
Wara l-pontifikal solenni mmexxi minn Mons. Isqof Mario Grech, li għalih attendew numru ta’ mistednin distinti fosthom l-E.T. il-president tar-Repubblika Dr George Abela; il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Joseph Muscat, il-banda San Ġorġ Martri  ta’ Ħal-Qormi bdiet marċ brijuż minn Pjazza San Ġorġ u mexa lejn Pjazza Indipendenza u lura lejn Pjazza San Ġorġ. Għal dan il-marċ kellnu wkoll is-sehem tal-banda Santa Margerita ta’ Sannat. F’dan il-marċ grandjuż u mill-aktar popolari spikka l-briju kontinwu miż-żgħażagħ Ġorġjani u mill-partitarji kollha tal-Istilla. 

Filgħaxija mbagħad, intlaħaq il-qofol ta’ dawn il-festi kbar f’ġieħ il-kbir martri San Ġorġ bil-ħruġ spettakolari u uniku tal-purċissjoni fi pjazza maħnuqa bin-nies. L-istess nistgħu ngħidu għad-dħul grandjuż tal-purċissjoni. Għal darb’oħra l-pjazza reġgħet kienet ippakkjata minn kmieni biex żgur ħadd ma jitlef dan il-mument uniku. Kulħadd b’vuċi waħda u fost iċ-ċapċip u l-kant tal-innu popolari Ġorġi tagħna l-istatwa sabet postha lura f’darha – fil-maqdes Ġorġjan, omm il-parroċċi kollha tal-gżira Għawdxija.

Il-festi ntemmu b’marċ ieħor brijuż mill-banda La Stella minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ. B’hekk intemmu dawn il-festi kbar f’ġieħ il-Martri ta’ Lidda, il-patrun tal-gżira tagħna San Ġorġ. Ċelebrazzjonijiet denji – ċelebrazzjonijiet kbar – ċelebrazzjonijiet li jixirqu lill-protettur ta’ beltna u tal-gżira Għawdxija – il-gżira ta’ Ġorġi.

Ritratt: Joe Attard (ara aktar ritratti f’dawn il-paġni 1, 2, 3).