Join Us On:

News Archive

FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

Ix-xahar ta’ Diċembru huwa sinonimu mal-Immakulata.  Il-ġurnata tat-8 ta’ Diċembru hija ġurnata għażiża għall-Knisja Kattolika u hawnhekk f’Għawdex fejn tiġi ċċelebrata b’solennita’ fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tar-Rabat.  Dan bir-raġun, għaliex kienu huma li matul is-sekli, speċajlment fil-qalba tal-Medjuevu, ħadmu biex iġibu ‘l quddiem id-duttrina tat-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija, liema duttrina ġiet iddikjarata bħala dommatika minn Beatu Papa Piju IX nhar it-8 ta’ Diċembru 1954.

Il-Banda Dekana ta’ beltna, mgħammda bħala La Stella Vincitrice, għandha rabtiet qodma maż-żona ta’ Pjazza San Franġisk u fuq Għajn Qatet.  Jingħad li kien minn dawn l-inħawi li nġabru flimkien biex jiffurmaw l-ewwel banda Għawdxija mwaqqfa legalment, fost l-oħrajn anke bil-għan li tieħu sehem fil-festa devozzjonali ta’ Sant’Antnin li tiġi ċċelebrata f’din il-knisja konventwali f’tarf ir-Rabat.  Il-Banda La Stella dejjem żammet il-festa tal-Kunċizzjoni ċċelebrata f’beltna bħalma wieħed mill-aktar appuntamenti importanti fil-kalendarju tagħha.

L-istorja turi li teżisti rabta naturali bejn is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella ta’ beltna u l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.   Il-poplu ta’ wara San Franġisk ilu minn żmien żemżem jagħmel parti mill-komunita’ parrokkjali ta’ San Ġorġ, minn fejn ħarġu diversi vokazzjonijiet fi ħdan l-Ordni Franġiskan Konventwal.  It-8 ta’ Diċembru hija wkoll magħrufa fil-folklor bħala ‘l-ewwel stilla tal-maltemp’ u dan is-simbolu jidher f’ħafna mit-tiżjin u armar ieħor li jsebbaħ lil beltna matul l-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru.  F’mumenti ta’ maltemp, waqt il-purċissjoni annwali, l-istatwa meraviljuża ta’ Salvatore Psaila ġieli ddaħħlet għall-kenn fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, u fl-istess purċissjoni wieħed jilmaħ tperper maż-żiffa kiesħa xitwija l-istilla fuq l-istendard tal-Banda La Stella li isimha hu marbut b’rabta li ma tinħallx ma’ din il-festa.

Fil-kunest storiku-kulturali ta’ beltna, ta’ gżiritna u ta’ pajjiżna, il-festa tal-Kunċizzjoni hija festa b’karatteristiċi partikulari.  Hija festa xitwija u għalhekk differenti mill-festi l-oħra li soltu niċċelebraw matul ix-xhur tas-sajf.  Hija festa Marjana u allura għandha l-aspett sabiħ matern li jiġbed lejha lilna lkoll li nqisu liln nfusna bħala ulied l-Imqaddsa Verġni Marija.  Hija wkoll festa li żviluppat fi żmien meta l-Knisja fl-Italja kellha bżonn tafferma s-setgħa spiritwali tagħha kif ukoll il-ftit setgħa temporali li kien għad fadlilha, u li meta ħelset minnha, ħadet sura aktar qawwija u trasparenti f’għajnejn il-ġnus tal-Ewropa.  Din tal-Kunċizzjoni hija fuq kollox festa għażiża li tattira lil kulħadd.

Minn dawn il-kolonni, nixriequ nawguraw il-festa t-tajba lid-devoti kollha tal-Immakulata u lil dawk kollha li huma miż-żona qadima ta’ wara l-Knisja ta’ San Franġisk u l-inħawi tal-madwar imma fuq kollox lil dawk kollha li jqisu lilhom infushom ulied din l-Istilla ta’ sebħ liema bħalu li b’dawlu jimla d-dinja kollha Nisranija.

Kuncizzjoni FB

(Ritratt: Mario Casha)