Join Us On:

News Archive

FESTA TA’ POPLU …

_JMJ1773

Il-Festa ta’ San Ġorġ timmarka mument mill-aktar sinifikanti fil-ħajja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, u ġġedded għal darba oħra stqarrija ta’ identità storika unika li torbot lis-Soċjetà u l-Banda Ċittadina La Stella mal-Patrun ta’ Għawdex San Ġorġ, il-Parroċċa tiegħu fil-qalba ta’ beltna, u “l-festa l-aktar popolari tal-gżira”.

Il-mument importanti tal-Festa hu rrappreżentat mill-enerġija li l-Banda La Stella u kull sezzjoni fis-Soċjetà tpoġġi sabiex l-attività kollha li tanima l-Festa ta’ San Ġorġ – sfilata tal-aqwa marċi; libsa fina tal-aqwa armar; sema mlewwen bl-isbaħ kuluri; tiġrijiet tal-bhejjem popolari u briju kbir matul ġimgħa sħiħa – jagħmlu mill-ġimgħa li twassal għat-tielet Ħadd ta’ Lulju mhux biss festa kbira, iżda wkoll okkażjoni rilevanti għall-gżejjer Maltin – kemm għal dawk li għandhom interess fil-festi, u kemm għall-komunità kummerċjali ta’ gżiritna.

Minbarra li hi okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni, il-Festa ta’ San Ġorġ hi mument matul is-sena li jwassal lil ħafna partitarji viċin is-Soċjetà La Stella.  L-enerġija kbira wara l-Festa ta’ San Ġorġ hi xprunata mir-responsabbiltà li l-amministrazzjoni tas-Soċjetà La Stella tħoss li għandha fil-konfront ta’ kull min iħossu parti mill-familja tas-Soċjetà La Stella, responabbiltà li mhux biss tkompli torganizza bl-aħjar mod il-Festa tal-Patrun tagħna San Ġorġ, iżda fuq kollox tikkura l-pedamenti li fuqhom hu mibni kollox, il-Banda Ċittadina La Stella.

L-istedina lil dawk kollha li ser ikunu qed jgħixu l-isbaħ ġranet tas-Sajf viċin il-Banda Ċittadina La Stella fil-Festa ta’ San Ġorġ hija sabiex ikunu dejjem aktar preżenti matul is-sena fl-impenji prinċipali tagħha.  Il-profil u l-kalendarju tal-Banda, b’mod meqjus, ser ikunu qed jiġġeddu biex jirriflettu l-preżent u jkomplu jagħmlu l-Banda La Stella rilevanti, kif dejjem kienet għal dawn l-aħħar mija u ħamsin sena u aktar.  Il-memorja tal-Programm Mużikali Annwali ta’ Novembru tal-2013 li ra t-Teatru Astra ppakkjat u tat-tieni edizzjoni ta’ RockAstra ta’ Ġunju li mliet tul Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza b’udjenza entużjasta huma probabbilment l-isbaħ mumenti li l-Banda għexet matul l-aħħar tnax-il xahar.  Nieħu l-okkażjoni sabiex insellem lis-Surmast Direttur il-Prof. Joseph Vella għad-direzzjoni mużikali tiegħu kif ukoll lis-Surmast Sigmund Mifsud li f’Novembru li għadda ġie maħtur Assistent Surmast tal-Banda Ċittadina La Stella.  Ippermettuli nirriafferma s-sinifikat importanti ta’ din il-ħatra għas-Soċjetà Filarmonika La Stella, b’aċċenn ta’ sodisfazzjon għall-amministrazzjoni u għalija li mexxejtha ’l quddiem fil-qafas tar-responsabbiltà tal-kariga li nokkupa.  Inġedded l-istedina sabiex aktar persuni jibdew jitħarrġu fil-mużika mal-Banda tagħna.  L-esperjenza ta’ dawk kollha li għexu din il-mixja għandha tkun eżempju u ispirazzjoni.  L-unur li tifforma parti mill-Banda La Stella u minn kumpless mużikali li dejjem kellu l-eċċellenza bħala tragward hu unur li l-fundaturi tas-Soċjetà welldu, missirijietna għożżew u jmiss lilna li nkomplu nikkultivaw.

Kien f’dan is-sens li għall-ewwel darba, f’April li għadda, ġie organizza Jum il-Gradwazzjoni, serata li fiha kienu parteċipi l-alljievi u l-bandisti ġodda li ngħaqdu mal-Banda La Stella.  Insellem lilhom u lill-familjari tagħhom, kif ukoll lil dawk li f’dawn l-aħħar xhur kellhom sehem fit-taħriġ tagħhom.

Okkażjoni oħra ta’ riljiev għas-Soċjetà li jixraq li nirreferi għaliha hi l-organizzazzjoni ta’ Festival Mediterranea u l-opra.  Din is-sena, għal darba oħra, l-opra Otello kienet ħolqa oħra f’kullana ta’ suċċessi li jiddifferenzjaw lis-Soċjetà Filarmonika La Stella minn entitajiet mużikali oħrajn u jpoġġu l-profil tat-Teatru Astra f’dimensjoni mhux nazzjonali, imma anki internazzjonali.  B’sodisfazzjon ninnota li udjenza li ppakkjat għal darbtejn it-Teatru Astra kienet tinkludi element notevoli ta’ barranin li waslu Għawdex speċifikament għall-opra Otello.  Nieħu l-okkażjoni sabiex insellem lill-ħafna li kienu involuti f’din il-produzzjoni.  Ftit huma dawk li jistgħu jifhmu x-xogħol enormi li l-opra fit-Teatru Astra tirrikjedi.  L-apprezzament tagħna hu dovut ukoll lill-entitajiet Governattivi u dawk privati li jsostnu din l-inizjattiva.

Nagħlaq b’riferenza mill-ġdid għall-ġranet ta’ ferħ li dawn il-festi l-kbar iġibu magħhom – b’ appell għall-ġenerożità.  Il-Festa ta’ San Ġorġ tirrikjedi finanzjament qawwi.  Is-Soċjetà Filarmonika La Stella hi konxja mir-responsabbiltà li għandha li tkompli torganizza festi kbar, imma daqstant ieħor għandha responsabbiltà li ma tipperikolax is-sisien finanzjarji li fuqhom isserraħ l-operat tagħha.  Flimkien ma’ sħabi fid-direzzjoni f’dawn il-ġranet ser inkunu qed nitolbu l-kontribuzzjoni ġeneruża tagħkom sabiex il-Festa ta’ San Ġorġ tibqa’ tkun “il-festa l-aktar popolari tal-gżira”.  Nirringrazzja lil dawk li diġà għamlu d-donazzjoni tagħhom.

Is-Soċjetà La Stella u l-inizjattivi kollha li tanima huma tribut lejn ir-realtà tal-ħidma volontarja.  F’dawn l-aħħar ħames snin li ilni nifforma parti mill-amministrazzjoni tas-Soċjetà, kelli x-xorti li naħdem ma’ persuni li għandhom dedikazzjoni eżemplari, talent kbir u determinazzjoni li hi akbar minn kull problema. Dan kollhu għandu jġagħalna nħarsu ’l quddiem sabiex b’rieda sħiħa u ħeġġa ġdida nkomplu naħdmu favur l-interessi tas-Soċjetà La Stella, il-wirt kbir li ta’ qabilna fdawna bih.


Michael Formosa

Segretarju Amministrattiv

(Ritratti: Joe Attard)