Join Us On:

News Archive

FESTA ĠORĠJANA FIL-KANADA

Matul dan ix-xahar, ix-xahar li fih iċċelebrajna s-solennita’ liturġika ta’ San Ġorġ Martri, sħabna l-emigranti Ġorġjani fil-Kanada, iċċelebraw ukoll bil-kbir din il-festa tant għażiża. Wara s-suċċess kbir tas-sena li għaddiet, fejn ġiet imżanżna l-istatwa l-ġdida, kopja tal-istatwa titulari meqjuma fil-bażilika tagħna, din is-sena reġgħet ġiet organizzata serata oħra mill-aqwa biex titfakkar din is-solennita’. 

Il-festa bdiet b’quddiesa fil-knisja ta’ St John Fisher fi Brampton Ontario, kmieni s-Sibt 18 ta’ April fid-9.00am. Wieħed ta’ min ifakkar li l-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ tinsab proprju f’din il-knisja. Il-quddiesa ġiet immexxija mill-Kan. Joe Fenech li huwa Kanonku tal-Bażilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara.

Filgħaxija mbagħad kien imiss lill-Malta Band Club biex tagħmel marċ brijuż quddiem il-każin tagħha. Bla dubju l-marċ intemm bil-kbir bid-daqq tal-innu popolari Lill-Kbir Martri San Ġorġ ta’ Vincenzo Ciappara. Il-festa kompliet fil-Malta Band Club b’ikla kbira organizzata minn diversi persuni fosthom il-ħabib tagħna John G. Borg, rappreżentant tas-Soċ. Filar. La Stella fil-Kanada. Fil-fatt is-Sur Borg, laqa’ lill-mistednin għall-ikla kbira Ġorġjana b’diskors tal-okkażjoni. Fost il-mistednin speċjali ta’ din l-ikla, kien hemm il-kantanti Glenn Vella u l-kantanta Għawdxija Pamela li kantaw numru sabiħ ta’ kanzunetti popolari Maltin u oħrajn mir-repertorju tagħhom. Fost il-kanzunetti tkantaw: Inti Djamant tal-mibki Dominic Grech, u l-innu popolari Ġorġi tagħna,  li qajjem briju kbir fis-sala.

Fi tmiem is-serata saru xi preżentazzjonijiet liż-żewġ kantanti, u anke lill-viċi president tal-Malta Band Club, is-Sur Anthony Vella, mir-rappreżentant tas-Soċjeta’ tagħna John G. Borg. Is-sur Borg preżenta wkoll marċ brijuż lis-sur Leli Grech, president tal-Malta Band Club.

Nixtiequ nifirħu minn qalbna lil sħabna l-emigranti u lir-rappreżentant tagħna John G. Borg, għall-ħidma kbira li qed jagħmlu biex ikomplu jkabbru din il-festa – festa li kull ma jmur qed iżżid fil-popolarita’, grazzi għall-imħabba kbira lejn il-patrun tagħna San Ġorġ li tkompli tgħaqqad lil dawn ħutna li għalkemm ilhom għal żmien twil ‘il bogħod minn artna, baqgħu Ġorġjani daqsna. 

Għal aktar dettalji dwar din il-festa Ġorġjana wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali tal-Friends of La Stella, Canada: 
www.lastellacanada.ca

Aktar ritratti: http://picasaweb.google.com/aattard6/FESTAGORGJANA2009