Join Us On:

News Archive

ĊELEBRAZZJONI TAL-WIRT STORIKU TAGĦNA

Id-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat minn Teatru Astra, jinkludi numru ta’ attivitajiet li jiffukaw fuq il-wirt preistoriku uniku ta’ pajjiżna, organizzati fuq ħamest ijiem f’Malta jew f’Għawdex. L-attivitajiet jinkludu s-sehem tal-arkeologu u l-istudjuż magħruf Dr David Trump mir-Renju Unit, flimkien ma’ oħrajn.

Il-kurjużi u dawk ħerqana li jsiru jafu iktar dwar dan il-qasam se jkollhom xalata waqt l-ewwel attività, taħdita u sessjoni prattika dwar l-identifikazzjoni ta’ oġġetti tal-fuħħar. Din ser tiffoka fuq numru ta’ oġġetti tal-fuħħar minn diversi fażijiet tal-preistorja. L-attivita’, l-ewwel waħda tax-xorti tagħha waqt Festival Mediterranea bl-isem The Archaeologist Speaks, se ssir fl-uffiċju ta’ Heritage Malta fiċ-Ċittadella nhar it-Tnejn l-1 ta’ Novembru u tibda fil-11.00am.

Attivitajiet oħra jinkludu seminar ta’ nofs ta’ nhar intitolat The Mystery of the Cart-ruts and the many questions they pose u żjarat immexxija minn Dr Trump fl-Ipogew ta’ Ħal Saflieni fost l-oħrajn. Dan is-suġġett enigmatiku, ħafna drabi kontroversjali ser ilaqqa’ lill-Prof Anthony Bonanno, il-Prof. Frank Ventura, il-Prof. Derek Mottershead, Joe Magro Conti u Daniel Cilia kif ukoll Dr Trump innifsu hekk kif jiddiskutu s-suġġett anke ma’ dawk preżenti. 

L-attivitajiet b’enfasi fuq il-wirt preistoriku huma organizzati b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta. Il-prenotazzjoni hi meħtieġa għal kull attivita’.

Festival Mediterranea jiftaħ bl-opra La Traviata nhar il-Ħamis 28 u s-Sibt 30 t’Ottubru u jinkludi għadd ta’ attivitajiet oħra b’enfasi fuq il-mużika, żjarat f’postijiet t’interess, u żfin u teatru, kif ukoll ċelebrazzjoni tal-identita’ kulturali tagħna. 

Iktar informazzjoni minn: www.mediterranea.com.mt
Booking minn [email protected]  jew 21550985 jew 99883007.