Join Us On:

News Archive

DISKUSSJONI FI GRUPP FIT-TEATRU MANOEL QABEL IN-NABUCCO

Astra & Manoel opera workshop 13Oct2014 (2) Astra & Manoel opera workshop 13Oct2014 (1) Astra & Manoel opera workshop 13Oct2014 (3)

F’rabta man-Nabucco ta’ Verdi, nhar it-Tnejn waranofsinhar it-Teatru Astra kkordina inizjattiva bl-għan li tilħaq l-istudenti kif ukoll il-pubbliku ġenerali.  F’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel u l-Bank of Valletta, l-attività Behind the Opera Curtain (Minn wara l-kwinti tal-Opra) inżamet fl-Istudju tat-Teatru Manoel.  Id-dħul kien b’xejn.

Joseph Vella, id-direttur mużikali tat-Teatru Astra li sa jkun qed jidderieġi lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fiż-żewġ rappreżentazzjonijiet tan-Nabucco li ħa jittellgħu fit-Teatru Astra, tkellem dwar l-importanza mużikali ta’ din l-opra ta’ Verdi, li, kif sostna Vella, poġġiet lil dan il-mużiċista Taljan fuq il-mappa dinjija bħala kompożitur ta’ fama.  Bla ma kien tekniku żżejjed, Vella ta espożizzjoni ċara b’dettalji li qanqlu tassew l-interess tal-udjenza.

Vella għamel aċċenn għall-arji u l-partijiet prinċipali f’din l-opra, u tkellem dwar il-maestrija ta’ Verdi f’dawk li huma melodija u strutturi kontrapuntwali.  Id-direttur tal-palk Enrico Stinchelli tkellem dwar l-aspetti tal-produzzjoni artistika u t-teknikalitajiet li jitlob proġett kbir bħal dan.  Hu għafas fuq l-importanza li wieħed jibqa’ fidil lejn il-librett, u saħaq b’mod partikulari fuq il-ħtieġa li jinkiseb bilanċ bejn it-tradizzjoni u l-innovazzjoni – xi ħaġa hekk diffiċli li wieħed jilħaq, imma li kapaċi tgħolli mas-sema produzzjoni operistika jew min-naħa l-oħra tbaxxiha.

L-udjenza kellha l-privileġġ kbir li dak il-ħin stess tassisti għal interludji mużikali minn fuq fomm is-solisti ewlenin infushom li kienu preżenti.  It-tenur Malti Cliff Zammit Stevens, li sa jkun qed jagħmel id-debutt tiegħu fi rwol prinċipali f’opra f’Malta, kanta flimkien mal-mezzo-sopran Olga Slepnyova.  Huma offrew dwett fil-partijiet rispettivi tagħhom ta’ Ismaele u Fenena.  Il-baxx Carlo Colombara, li kanta f’teatri kbar bħall-Metropolitan Opera, interpreta l-Preghiera sabiħa ta’ Żakkarija, waqt li Piero Terranova, li sa jkun qed jinterpreta l-parti prinċipali ta’ Nabucco, kanta waħda mill-arji prinċipali.  Sempliċement kienet tidwiqa bnina ta’ dak li għad irid jiġi!

L-udjenza wriet interess qawwi permezz ta’ għadd ta’ mistoqsijiet u tal-kummenti tagħha lill-membri tal-panel, li kienu ġenerużi biżżejjed li jipprovdu t-tweġibiet u t-tifsir meħtieġ.  Din kienet ċertament inizjattiva brillanti u pjattaforma mill-aqwa għall-opra, u t-Teatru Astra qed iħares ’il quddiem lejn iktar kollaborazzjoni fil-futur.

It-Teatru Astra għandu s-sapport ta’ Cultural Partnership Agreement mal-Gvern ta’ Malta, il-Bank of Valletta, is-Citadel Insurance, General Softdrinks u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.

Biljetti għall-opra jinkisbu mit-Teatru stess fuq +356 2155 0985, +356 7925 6897 jew b’email lil [email protected] Fuq is-sit elettroniku uffiċjali qed jitilgħu aġġornamenti regolari.