Join Us On:

News Archive

DELEGAZZJONI TALJANA ŻŻURNA F’DARNA

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju, festa ta’ San Pietru u San Pawl, il-kumitat tas-Soċjetà laqgħa fi ħdanu delegazzjoni Taljana mill-‘Comune di Nichelino’ provinċja ta’ Turin fl-Italja.

L-avukat Joseph Grech, President tas-Soċjetà La Stella flimkien ma’ diversi uffiċċjali tal-kumitat taw merħba li din id-delegazzjoni li kienet akkumpanjata mis-Sindku tal-Belt Victoria s-sur Robert Tabone u s-sur Michel Buttigieg membru tal-Kunsill Lokali. Din id-delegazzjoni kienet iffurmata mis-sinjura Nora Merlo li hija mpenjata fil-ġemellagg bejn il-Belt Victoria u Nichelino, Dr. Giovanni Franchino u Dr. Antonio Lana, membri rispettivament tal-Kunsill f’Nichelino. Id-delegazzjoni min-naħa tas-Soċjetà La Stella kienet tinkludi lis-sur Dolindo Cassar, segretarju, lis-sinjuri Anthony Zammit u George Cini, teżorieri tas-Soċjetà, lis-sur George Cremona, assistent segretarju u lis-sur Manuel Grima, PRO.

Dr. Grech stieden lid-delegazzjoni fis-sala tat-Teatru Astra fejn huwa spjega tajjeb dwar l-istorja glorjuża tat-teatru, il-ħruq tiegħu riċentament u l-proċess tad-dekorazzjoni ġdida u moderna li kienet għadha kemm tlestiet xi sentejn ilu. It-Taljani dehru ferm impressjonati bit-Teatru Astra. Huma gew imdawwra anke fuq il-palk grandjuż ta’ dan it-teatru, l-akbar wieħed fi gżiritna, u d-diversi workshops ta’ wara l-kwinti.

Iż-żjara tkompliet madwar il-kumpless enormi tal-Każin la Stella fejn imbagħad din id-delegazzjoni ġiet mistiedna għal bibita ta’ l-okkażjoni. F’messaġġi ta’ l-okkażjoni Dr Grech irringrazzja lis-Sindku Robet Tabone tal-ħidma kbira li kien qiegħed iwettaq b’risq il-Kunsill tal-Belt Victoria filwaqt li awgura lid-delegazzjoni Taljana ħidma u suċċess fil-ġemellaġġ futur li kien hemm fi ħsieb li jiġi introdott dalwaqt ma’ beltna. Wara, il-President Grech offra rigal ta’ tifkira lis-sinjura Merlo f’isem id-delegazzjoni.