Join Us On:

News Archive

DAWL FUQ PERJODI STORIĊI PARTIKOLARI WAQT FESTIVAL MEDITERRANEA

L-istorja hi element qawwi ħafna fil-programm ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea, li jinsab għaddej bħalissa f’Għawdex u li qed joffri numru ta’ attivitajiet li għandhom jinteressaw lil dawk kollha li jħobbu l-patrimonju lokali. Il-festival, organizzat minn voluntieri f’Teatru Astra, fetaħ fis-27 t’Ottubru bl-ewwel minn żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra Norma, li ntlaqgħet tajjeb ferm minn kritiċi lokali u internazzjonali, u jibqa’ għaddej sad-19 ta’ Novembru.

L-attivitajiet li jmiss jinkludu lecture mill-istoriku Victor Mallia-Milanes, Professur fid-Dipartiment tal-Istorja fl-Università ta’ Malta, li se tiddiskuti l-aħħar snin tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta. Dan, mill-perspettiva ta’ żewġ persunaġġi kontemporanji minn Venezja – Ottavio Benvenuti, rappreżentant għoli tal-Ordni f’Venezja u Antonio Miari, is-Segretarju għall-Affarijiet Taljani għall-Granmastru u l-Ministru Residenti Venezjan f’Malta. It-tnejn żammew korrispondenza estensiva b’rakkonti diretti tal-aħħar snin tas-Seklu 18, it-tnejn jagħtu informazzjoni interessanti b’dak li jgħidu u b’dak li jagħżlu li jħallu barra. Il-lecture tal-Prof. Mallia-Milanes se ssir is-Sibt 5 ta’ Novembru fid-9.00am fil-Banca Giuratale fil-Belt Victoria, u hi miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas.

Appuntament ieħor għal dawk li jħobbu l-istorja u l-arti, din id-darba b’rabta mal-knejjes, hu dak tas-Sibt 12 ta’ Novembru, b’taħdita f’diversi knejjes immexxija mill-artist u storiku tal-arti Mark Sagona. Intitolata Baroque to Romantic: Gozo’s Masterpieces, l-attività tiffoka fuq xogħlijiet tal-arti li jmorru lura lejn il-bidu tas-Seklu 17 u l-aħħar tas-Seklu 19 li jinsabu fi knejjes f’Għawdex b’diskussjoni li tittratta l-Barokk ta’ Mattia Preti u l-artisti kontemporanji lokali, il-kurrenti tal-aħħar fażi tal-Barokk ta’ artisti bħal Francesco Zahra u Rocco Buhagiar, l-elementi Neo-Klassici ta’ Pietro Paolo Azzopardi, l-arti purista ta’ Giuseppe Hyzler u Salvatore Busuttil u r-Romantiċiżmu ta’ Giuseppe Calì. L-attività tibda fid-9am b’dawk li jixitiequ jieħdu sehem għandhom jiltaqgħu sad-8.45am quddiem Teatru Astra. Hu importanti ferm li wieħed jipprenota għal din l-attività.

Il-festival ikompli għar-raba’ tmiem il-gimgħa, din id-darba b’żewġ attivitajiet li jittrattaw il-perjodu uniku tal-preistorja, immexxija għal sena oħra mill-istudjuż u arkeologu Ingliż Dr David Trump. L-ewwel attività hi taħdita fil-post u mixja madwar In-Nuffara, sit ta’ Żmien il-Bronż, li se ssir il-Gimgħa 18 ta’ Novembru fit-3pm. It-tieni attività hi lecture, Conversations with Skeletons, li se ssir is-Sibt 19 ta’ Novembru fid-9am fis-Sala tal-Konferenzi fil-Ministeru għal Għawdex. Id-dħul għat-tieni attività hu minghajr ħlas.

L-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea tagħlaq bil-kunċert mistenni tal-Banda Filarmonika La Stella, li dettalji dwaru jitħabbru fil-jiem li ġejjin. Iktar informazzjoni dwar il-festival u l-attivitajiet fi ħdanu jinsabu online fuq www.mediterranea.com.mt inkella permezz tat-telefon fuq in-numru 21550985. Prenotazzjoni għall-attivitajiet tista’ ssir fuq 79256897 jew [email protected].