Join Us On:

News Archive

DAN HUWA ‘BISS’ TMIEM IN-NOVENA !

Dan mhux il-ħruġ minn niċċa, jew ħruġ il-purċissjoni imma “biss” tmiem in-novena !  Qed ngħidu dan għax il-preżenza tagħkom il-bieraħ filgħaxija fil-Bażilika Ġorġjana kienet xhieda ta’ kemm inħobbu lil San Ġorġ, mhux biss f’dak li huwa estern imma fl-intern profond, fl-essenzjal.  “Ħobbu lil San Ġorġ biex permezz tiegħu tersqu lejn u tħobbu lil Ġesu” qalilna l-arċipriet Mons Joseph Curmi l-bieraħ fl-omelija tal-aħħar jum tan-novena u appuntu dan għandu jkun il-messaġġ li rridu nħaddnu mhux biss matul din il-ġimgħa imma għall- bqija tas-sena.

DSC_1168_stitch

Aktar tard filgħaxija bdew l-attivitajiet tal-festi esterni bl-ikla tradizzjonali, li din is-sena saret quddiem il-każin La Stella fi Triq ir-Repubblika.  Grazzi lil dawk li attendew għall-ikla u li permezz ta’ hekk kontu qed tgħinu biex tkompli tikber il-festa.  Bħalma ssemma fil-ġimgħat li għaddew l-ispejjes m’ humiex ftit u huwa biss bis-sapport tagħkom li l-festa tista’ ssir hekk kbira.  Il-grupp The Tramps daqq matul is-serata kollha.

Il-festa tkompli llum b’kunċert grandjuż  mill-orkestra nazzjonali fil-Bażilika Ġorġjana taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Il-kunċert jibda fit-8pm.  Fis-7pm fi Triq ir-Repubblika jkun hemm it-tiġrijiet tradizzjonali taż-żwiemel li jibqgħu għaddejjin sa tard filgħaxija.

Ejjew nilqgħu ġo beltna lil dawk kollha li matul din il-ġimgħa se jiġu jifirħu u jiċċelebraw magħna l-festa ta’ San Ġorġ, festa ta’ briju, festa ta’kuluri, festa ta’ poplu.

DSC_1195