Join Us On:

News Archive

CD ĠDID TA’ MARĊI BRIJUŻI

Il-banda ċittadina La Stella żammet l-appuntament tagħha mad-dilettanti kollha tal-festi u tal-marċi u għal sena oħra fl-okkażjoni tal-festi ad unur il-patrun tal-gżira Għawdxija San Ġorġ Martri ħarġet CD ġdid bis-sett ta’ marċi brijużi l-ġodda. Dawn huwa l-24 CD maħruġ mill-banda La Stella matul dawn l-aħħar erbatax-il sena. Dan is-sett jiġbor fih erbatax-il marċ, fosthom l-innu marċ "Lill-Kbir Martri San Ġorġ" ta’ Ciappara u l-innu "La Stella" ta’ Giardini Vella.

Is-sett ta’ marċi jinkludi kompożizzjonijiet mill-pinna tas-surmast direttur tal-banda, il-Prof. Joseph Vella, kif ukoll kompożizzjonijiet ġodda mill-bandisti residenti Mario Galea; George Borg u George Camilleri. Insibu wkoll marċi mill-pinna ta’ Sunny Galea; Vincenzo Ciappara; Anthony Aquilina; Joseph Galea; Joseph Azzopardi, Aurelio Belli, Andrew Coleiro u Emanuel Bugeja.

Is-sett kollu jinkludi:
Ancona – Joseph Vella
Shining Star – Mario Galea
Il Conte – George Borg
Brilliant – George Camilleri
Steph-El– Sunny Galea
Vaccalluzzo – Aurelio Belli
Stasianne – Joseph Galea
Id f’Id – Emanuel Bugeja
SPQR – Andrew Coleiro
Tema – Anthony Aquilina
Arabian Night – Joseph Azzopardi
Joy – Vincenzo Ciappara
Lill-Kbir Martri San Ġorġ – Vincenzo Ciappara
Innu La Stella – Giuseppe Giardini Vella

Il-qoxra tas-CD turi ritratt tal-każin La Stella (ritratt: Joe Attard) li jinsab fi Triq ir-Repubblika, post li quddiemu, kif inhu xieraq, jintlaqħu l-qofol tal-marċi brijużi u ċ-ċelebrazzjonijiet esterni kollha tal-festa ta’ San Ġorġ.

Intant, is-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi ser jindaqqu għall-ewwel darba fid-dimostrazzjoni ta’ nhar l-Erbgħa 13 ta’ Lulju – bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, li tibda minn Pjazza San Franġisk u tintemm fi Pjazza San Ġorġ. Is-CD il-ġdid jista’ jinxtara mill-każin La Stella u mill-ħwienet ewlenin għall-prezz ta’ 12.