Join Us On:

News Archive

CASTA DIVA, CHE INARGENTI … FIT-TEATRU ASTRA F’GHAWDEX

Fost il-pubbliku li jħobb l-opra hemm stennija kbira għaż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra Norma, il-kapulavur operistiku ta’ Vincenzo Bellini. L-aria tagħha ‘Casta Diva’ tfakkar b’mod awtomatiku l-vuċi ċelebri ta’ Maria Callas li mmortalizzatha.

Norma mhijiex opra faċli anke għaliex teħtieg sopran b’vuċi drammatika partikolari li mhux kull kantanta tista’ tkanta. Kienet propju din ir-raguni għaliex id-direzzjoni ta’ Teatru Astra għażlet li tipproduċi din l-opra, fl-okkażjoni tal-għaxar edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat minnha, b’mod li tiċċelebra dan l-anniversarju b’impenn mhux tas-soltu.

Għall-produzzjoni ġdida ta’ din is-sena, li se ssir fuq stil tradizzjonali, ġiet ingaġġata s-sopran ta’ kalibru kbir li qed tkanta fl-iktar teatri importanti madwar id-dinja, Dimitra Theodossiou, meqjusa bħala l-Maria Callas ta’ issa. Fil-parti ta’ Norma, Theodossiou diġa’ qalgħet kliem ta’ tifħir kbir minn diversi kritiċi tal-opra wara l-interpretazzjoni tagħha fl-Isferisterio f’Macerata fl-2007.

Kemm id-direzzjoni artistika kif ukoll l-iżvilupp tal-idea tax-xenografija għal din il-produzzjoni ġew afdati f’idejn it-Taljan Enrico Stinchelli, magħruf ferm fil-qasam tal-opra għall-programm tiegħu ta’ kuljum La Barcaccia li jiġi ppreżentat fuq RAI Radio 3. Enrico Stinchelli jħares lejn l-opra bl-iktar mod sħiħ hekk kif minbarra li hu jmexxi dan il-programm li jevalwa produzzjonijiet tal-opra madwar l-Italja u pajjiżi barranin mil-lenti kritika, hu wkoll kantant għalhekk kapaċi wkoll jidentifika l-aħjar vuċijiet u interpreti għall-opra afdata f’idejh. Il-voluntieri ta’ Teatru Astra li qed jieħdu ħsieb ix-xogħol kollu ta’ wara l-kwinti kif ukoll il-kantanti u mużiċisti professjonali mqabbda għal din il-produzzjoni qed jaħdmu tajjeb ħafna ma’ dan id-direttur artistiku propju għaliex jifhem u jagħraf l-importanza tal-elementi kollha li jagħmlu produzzjoni operistika.

Il-bqija tal-kast għal din il-produzzjoni hu magħmul mit-Tenur Antonino Interisano fil-parti ta’ Pollione, li qed jirritorna f’Teatru Astra wara s-suċċess tiegħu f’Rigoletto, f’Turandot, f’I Pagliacci u f’Cavalleria Rusticana. Miegħu tingħaqad il-mezzo-sopran Oana Andra fil-parti mpenjattiva wkoll ta’ Adalgisa, u l-baxx Dario Russo, bit-tnejn tal-aħħar se jkunu qed ikantaw għall-ewwel darba f’teatru f’pajjiżna. Il-kantanti Maltin Dorienne Portelli u Cliff Zammit Stevens ikantaw il-partijiet ta’ Clotilde u Flavio rispettivament.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se titmexxa għal darb’ohra mill-Prof. Mro. Joseph Vella, filwaqt li l-Kor tal-Opra ta’ Teatru Astra qed jitħarreg minn Dr Maria Frendo. Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti tal-palk mill-artist xeniku Joseph Cauchi u minn grupp ta’ voluntiera mmexxija minn Carmel Zammit u minn Emanuel John Farrugia, filwaqt li qed isir l-aħħar xogħol ukoll fuq il-kostumi mill-kostumisti Emanuel Grima u George Farrugia. Id-dawl artistiku qed jitħejja minn George Zammit u minn Ismael Portelli.

Għal Norma, Teatru Astra għal darb’oħra ddeċieda li jgħin lil studenti ta’ taħt il-25 sena li jsegwu kors full-time biex jattendu għall-ewwel serata tal-opra, billi joffrilhom biljett tad-dħul bi prezz imnaqqas ħafna, għall-prezz ta’ €10 minflok €50, u bi prezz imraħħas ukoll għal adulti li jattendu mal-istudenti, bi prezz ta’ €40 minflok €50.

Norma tiftaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Festival Mediterranea. Se ssir darbtejn, il-hamis 27 u s-Sibt 29 ta’ Ottubru. Festival Mediterranea jippreżenta numru ta’ attivitajiet kulturali li jvarjaw minn muzika, storja, wirt kulturali u artiġġjanat lokali, sad-19 ta’ Novembru.

Iktar informazzjoni tinkiseb mis-sit www.mediterranea.com.mt. Booking hu miftuħ fuq 21550985 jew 7925 6897 jew [email protected].

(Dan l-artiklu ġie ippubblikat fil-gazzetta "In-Nazzjon" illum 25 ta’ Ottubru 2011)