Join Us On:

News Archive

BILJETTI MRAĦĦSA GĦALL-ISTUDENTI

Studenti li għandhom 25 sena jew inqas jistgħu jgawdu minn offerta speċjali ta’ prezzijiet imraħħsa ferm għall-istudenti, li qed tiġi offruta mit-Teatru Astra għall-produzzjoni tal-opra La Traviata li se ssir fl-istess teatru nhar il-Ħamis 28 u s-Sibt 30 t’Ottubru 2010.
 
It-Teatru Astra, bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja u Bank of Valletta, qiegħed għal darb’oħra jirrepeti din l-iskema li toffri l-opportunità lil studenti biex jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-opra u jgawdu mill-esperjenza meraviljuża li din l-espressjoni artistika tagħti. Hekk, permezz ta’ din l-iskema, li kienet introdotta b’suċċess fl-2008, tkun tista’ titrawwem ġenerazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ li japprezzaw l-opra.
 
It-Teatru Astra qed joffri 200 biljett li jinbiegħu fuq bażi ta’ first-come first-served lil dawk l-istudenti li għandhom 25 sena jew inqas, u li jgħixu f’Malta jew Għawdex, għall-ewwel serata tal-opra, jiġifieri l-Ħamis 28 t’Ottubru. Il-prezz tal-biljetti tnaqqas b’mod konsiderevoli, minn €50 għal €10 kull wiehed għall-istudenti, filwaqt li kull persuna adulta li takkumpanja lill-istudenti tista’ wkoll tgawdi minn tnaqqis ta’ 20% fuq il-prezz tal-biljett tagħha, għall-prezz finali ta’ €40. Il-biljetti jistgħu jiġu prenotati permezz tat-telefon 21550985 jew 99883007, inkella email fuq [email protected]

Il-produzzjoni tal-opra La Traviata hi parti mid-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Id-dettalji tal-attivitajiet kollha li jiffurmaw dan il-festival jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku: www.mediterranea.com.mt.