Join Us On:

News Archive

BIDU MILL-AQWA GĦALL-VICTORIA INTERNATIONAL ARTS FESTIVAL

Nhar il-Ħadd 8 ta’ Ġunju, fetħet il-ħdax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival – festival ta’ kultura marbut mal-festi ad unur il-patrun t’Għawdex San Ġorġ Martri. Dan il-festival, illum kiseb isem u bi pjaċir ngħidu li huwa wieħed mill-aktar festivals tax-xorta tiegħu segwiti f’pajjiżna. Li huwa żgur hu li l-attendenzi għalih aktar ma jgħaddu snin aktar qed jiżdiedu u qed jikseb popolarità liema bħalha. Din is-sena l-kumitat responsabbli fi ħdan il-bażilika ta’ San Ġorġ ħa ħsieb li jtella’ xejn inqas minn 32 kunċert b’artisti minn Malta, mir-Renju Unit, minn Franza, l-iSlovenja, ir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, l-Italja, in-Norveġja u mill-Awstrija – dan jagħmlu l-itwal u l-akbar festival kulturali f’pajjiżna.

Il-Ħadd li għadda kellna magħna lill-kor ta’ St. Mary’s College minn Durham University fl-Ingilterra li ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ tella’ kunċert mill-aqwa li ġie apprezzat ħafna mill-folla numeruża li attendiet. Għal darb’oħra stajna ninnutaw ukoll il-preżenża ta’ diversi turisti li tassew jattendu bi ħġarhom għal dawn it-tip ta’ attivitajiet li żgur fil-bażilika ta’ San Ġorġ qatt ma kienu neqsin. Il-bażilika flimkien mas-Soċjetà ‘La Stella’ dejjem taw kontribut siewi fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna u dan huwa rikonoxxut minn bosta. Illejla jkompli dan il-festival b’kunċert ieħor din id-darba f’post differenti minn tas-soltu – fi Pjazzetta San Ġorġ tal-Ħaġar – mill-“Euphoric Brass Quartet”.

Il-festival li beda nhar il-Ħadd li għadda jintemm nhar it-Tnejn 14 ta’ Lulju eżattament fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ Martri ċċelebrata fil-belt t’Għawdex. Dan is-sit ser ikun qed ikompli jaġġornakom jum wara jum dwar l-attivitajiet kollha marbuta mal-ħdax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival.

ritratti: Joe Attard ©

10/06/2008