Join Us On:

News Archive

BANDIST TAL-BANDA LA STELLA JINĦATAR SURMAST TAL-BANDA VIŻITAZZJONI TA’ L-GĦARB

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella bi pjaċir tilqa’ l-aħbar tal-ħatra ta’ wieħed mill-bandisti tagħha, George Apap, bħala Surmast Direttur tal-Banda Viżitazzjoni ta’ l-Għarb. George Apap twieled fil-Belt Victoria, nhar is-17 ta’ Novembru 1983. Irċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola Sir Arturo Mercieca tal-Belt Victoria u kompla bl-istudji sekornardji u post sekondarji tiegħu fis-Semimarju tal-Qalb ta’ Ġesù u Sir M. A. Refalo. Fis-sena 2001 kompla l-istudji akkademiċi fl-Università ta’ Malta, fejn fl- 2005 iggradwa bħala għalliem tal-Mużika u l-Malti. Preżentament, George qiegħed isegwi studji avvanzati fid-direzzjoni mużikali taħt il-gwida ta’ Mro Christopher Muscat. George ingħaqad mal-banda La Stella fl-1990 f’eta ta’ 7 snin. Hu beda jdoqq il-kwartin, taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Bezzina u George Borg. Aktar tard huwa kompla għaddej bl-istudju fil-klarinett taħt Mro Noel Beck u fit-teorija taħt Mro Lawrence Borg, fejn kiseb id-diplomi ALCM u LLCM. George kien solist mal-banda La Stella f’ħafna programmi mużikali, inkluż dawk barra minn Malta. Fil-preżent George huwa wieħed mis-surmastrijiet ta’ l-alljievi tal-Banda Ċittadina La Stella, fejn ma’ l-Assistent Surmast Noel Beck, hu responsabbbli mis-sezzjoni tal-qasba. L-aħħar kontribut sinjifikanti kien l-organizzazzjoni tal-kunċert Soundtracks Alive li ttella’ b’suċċess fit-Teatru Astra fi Frar ta’ din is-sena. 

Minbarra l-kontribut fil-qasam mużikali, George Apap kien preżenti ukoll fil-qalba tal-ħidma amministrattiva tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, fejn fost l-oħrajn, okkupa l-kariga ta’ uffiċjal tar-relazzjonijiet pubbliċi fejn fost l-oħrajn kien responsabbli għal diversi pubblikazzjoniet, inkluż il-pubblikazzjoni annwali tal-festa u l-gazzetta Ta’ l-iStilla. George kien strumentali biex is-Soċjetà La Stella tibni u żżomm l-preżenza tagħha online permezz tal-websajts lastella.com.mt.mt u www.mediterranea.com.mt. 

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, filwaqt li tħossha kburija b’din l-aħbar, tawgura lil George Apap suċċess fil-ħatra l-ġdida tiegħu fi ħdan is-soċjetà mużikali żagħżugħa ta’ l-Għarb, u aktar impenn fi ħdan il-Banda Ċittadina u s-Soċjetà Filarmonika La Stella.