Join Us On:

News Archive

ARTISTI TA’ LA SCALA GĦALL-OPRA MADAMA BUTTERFLY FL-ASTRA

Pubblikazzjoni f’ Il-Mument tal-14 t’Ottubru 2012
 
 
It-tliet kantanti prinċipali magħżula għall-produzzjoni tal-opra ta’ din is-sena ta’ Teatru Astra, Madama Butterfly,jagħmlu kast eċċezjonali li l-pubbliku Malti se jkun jista’ jara għall-ewwel darba flimkien f’pajjiżna waqt opra.
 
Is-sopran Daniela Dessì, it-tenur Fabio Armiliato u l-baritonu Carlo Guelfi huma kantanti stabbli f’uħud mill-iktar teatri tal-opra importanti madwar id-dinja, fosthom Teatro alla Scala ta’ Milan, it-Teatro dell’Opera ta’ Ruma, l-Arena ta’ Verona, u anke fi New York jew fi bliet oħra fl-Istati Uniti, u se jerġgħu jkantaw flimkien fl-appuntament annwali ta’ Teatru Astra fl-aħħar jiem ta’ Ottubru.
 
Din il-produzzjoni ta’ Madama Butterfly, li se ssir fil-25 u s-27 t’Ottubrugħalhekk, tippreżenta opportunità unika għall-pubbliku Malti li jħobb l-opra. Il-fatt li dawn it-tliet kantanti, li kantaw kemm-il darba taħt direzzjoni ta’ surmastrijiet bħal Muti, Abbado u Levine, se jkantaw waqt l-opra f’Għawdex ikompli jgħolli l-livell tal-produzzjoni lokali f’din li hi l-iktar espressjoni kompluta u diffiċli tal-arti drammatika.
 
Madama Butterfly tiftaħ il-11-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat minn Teatru Astra, bi programm t’attivitajiet imfassal bil-għan li jesponi aspetti tal-kultura Maltija fi żmien meta t-turiżmu f’Għawdex ma jkunx fl-aqwa tiegħu. Il-festival jibqa’ għaddej sas-17 ta’ Novembru.
 
Minbarra t-tliet kantanti prinċipali, Madama Butterfly tinkludi numru ta’ kantanti oħra fosthom talent Malti. It-tenur żagħżugħ Cliff Zammit Stevens, li ddebuta fl-ewwel rwol tiegħu fl-opra s-sena li għaddiet fl-istess teatru, ukoll se jieħu sehem. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tkun immexxija mill-Prof. Mro. Joseph Vella filwaqt li bħas-soltu, se jieħu sehem il-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra. Għat-tieni sena konsekuttiva d-direzzjoni tal-palk reġgħet tħalliet f’idejn ir-reġista Taljan Enrico Stinchelli.
 
Anke din is-sena t-Teatru Astra ħaseb biex jgħin lil studenti żgħażagħ japprezzaw dan il-ġeneru affaxxinanti, u qed joffri numru ta’ biljetti bi prezz imraħħas għal studenti ta’ tażt is-26 sena biex jattendu l-ewwel serata tal-opra.
 
Attivitajiet oħra fi ħdan Festival Mediterranea jinkludu produzzjoni oriġinali ta’ żfin tango li bħalissa tinsab iddur l-Ewropa u li l-uniku rappreżentazzjoni tagħhha f’pajjiżna se tkun waqt dan il-festival. Jinkludi wkoll kunċert vokali bis-sehem tal-mezzo-sopran Rumena Oana Andra li se tirritorna f’Għawdex wara eżekuzzjoni impressjonanti s-sena li għaddiet waqt l-opra Norma. Jinkludi wkoll kunċert bil-pjanu minn dak li hu meqjus bħala l-iżgħar pjanist fid-dinja b’id waħda, Nicholas McCarthy, kunċert minn solisti tal-Banda Filarmonika La Stella, u l-Kunċert Grandjuż Annwali tal-Banda Filarmonika La Stella (AD 1863). Uħud minn dawn l-attivitajiet huma b’xejn għall-pubbliku.
 
Attivitajiet oħra jinkludu żjara lill-Bażilika ta’ San :orġ b’aċċenn fuq uħud mix-xogħlijiet artistiċi f’din il-bażilika, żjara f’għelieqi li jkabbru d-dwieli għall-inbid, żjara oħra f’diversi knejjes b’taħdita dwar Giuseppe Calì, u lekċer mill-Professur Victor Mallia-Milanes dwar is-soċjetà u l-ekonomija fi żmien il-Kavallieri f’Malta.
 
Festival Mediterranea jiġi organizzat kull sena minn voluntieri fi ħdan Teatru Astra f’Għawdex, bl-għajnuna ta’ Bank of Valletta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.
 
Iktar informazzjoni tinkiseb minn fuq www.mediterranea.com.mt jew min-numru tat-telefon 21550985. Bookings fuq in-numru 79256897 jew [email protected].