Join Us On:

News Archive

ĦARĠA NUMRU 29 TAR-RIVISTA

Fi tmiem il-ġimgħa, ġiet ippubblikata r-rivista uffiċċjali tas-Soċjetà tagħna: “ta’ l-iStilla” – ħarġa numru 29. Din l-ewwel pubblikazzjoni għas-sena 2010, qed tagħti ħarsa lejn dak li għaddejna minnu matul is-sena 2009.

L-artiklu ewlieni huwa messaġġ mill-President tas-Soċjeta’: Dr Joseph Grech. F’dan il-messaġġ li deher il-bieraħ fuq din il-websajt ta rendikont tax-xogħol kbir li sar minn kull fergħa tas-Soċjeta’ tagħna matul dawn l-aħħar erba’ snin, kemm ilu fit-tmexxija Dr Grech. 

Minbarra dan l-artiklu mqassam fuq tliet paġni, insibu wkoll id-djarju tas-Soċjeta’ – kontinwazzjoni mad-djarju li deher fil-pubblikazzjoni tal-festa 2009; u allura qed jiġbor fih kull attivita’ li saret bejn Lulju 2009 u Frar 2010. Artikli oħra jagħtu ħarsa lejn l-istaġun impenjattiv tal-festi; u bla dubju lejn il-Programm Mużikali Annwali li ttella’ f’Novembru li għadda bħala parti mit-8 edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Marbut ma’ dan għandna wkoll sett sabiħ ta’ ritratti bil-kulur tal-fotografu Joe Attard.

L-editorjal bl-isem “Ħarsa lura: sena impenjattiva; sena ta’ suċċessi", jagħti ħarsa wkoll lejn in-numru kbir ta’ impenji li għaddiet minnhom is-Soċjeta’ tagħna u kull għaqda jew sotto-kumitat li jifforma parti minnha. 

Ir-rivista qed titqassam mal-bullettini tal-parroċċa lil kull familja fil-komunità parrokkjali Ġorġjana. Dawk li jixtiequ jakkwistaw kopja ta’ din ir-rivista għandhom jikkuntattjaw lil xi membru tal-kumitat jew lill-editur permezz ta’ l-email [email protected]