Join Us On:

News Archive

APPOĠĠ MILL-BANK OF VALLETTA GHAL FESTIVAL MEDITERRANEA

Matul Ottubru li ġej, it-Teatru Astra se jkun qed jorganizza s-16-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea. L-attrazzjoni prinċipali se tkun l-opra traġika fi tliet atti Lucia di Lammermoor li se terġa’ lura fl-Astra wara nuqqas ta’ 29 sena. Dan tħabbar waqt konferenza stampa li saret fil-BOV Centre f’Santa Venera u li kienet indirizzata minn Mario Mallia, Kap Eżekuttiv tal-BOV, mis-Sur Michael Formosa, iċ-Chairman tal-kumitat organizzattiv tal-Festival Mediterranea, mill-Prof. Mro Joseph Vella, id-Direttur Artistiku tal-Festival u mill-Onor. Dr Justyne Caruana, Ministru għal Għawdex.

636414291571430544_w_STF_5720

Meta rrefera għad-dinja tal-arti tal-ispettaklu f’Għawdex, Mario Mallia qal li, “Aħna ilna nappoġġjaw lis-Soċjetà Filarmonika La Stella sa mill-ewwel edizzjoni tal-Festival Mediterranea. Matul is-snin, aħna nkomplu nkunu xhieda ta’ kif dan il-Festival kiber, grazzi għall-isforz tal-organizzaturi u tal-armata ta’ voluntiera tagħhom. L-istess jista’ jingħad għall-Opra. Sena wara l-oħra, qegħdin naraw produzzjonijiet ta’ kalibru għoli, fl-aspetti kollha – xenarju, props tal-produzzjoni, ilbies u ovvjament l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni tal-Mro Joseph Vella, u l-protagonisti nfushom.” Huwa kompla jawgura lill-organizzaturi għall-mod li bih jirnexxielhom jagħtu l-ħajja lil seba’ millennji ta’ storja u mitoloġija matul il-Festival, permezz tal-firxa ta’ avvenimenti artistiċi u kulturali li huma jorganizzaw madwar l-erba’ rkejjen tal-Gżira Għawdxija.

Dr Justyne Caruana ikkumplimentat lill-organizaturi għall-opri ta’ kalibru għoli li qed jipproduċu, li permezz tagħhom qed jirnexxilhom jattiraw udjenza, kemm lokali kif ukoll internazzjonali lejn il-gżira Għawdxija. Hija qalet li, “Fil-Ministeru għal Għawdex, aħna qegħdin inħarsu lejn dan ix-xenarju minn tliet binarji. Aħna qegħdin noħolqu pjattaforma kulturali biex inkabbru l-parteċipazzjoni ta’ artisti lokali u barranin f’Għawdex. Imbagħad hemm l-aspett importanti tal-volontarjat li jagħmel dawn l-avvenimenti possibbli. Il-kontribuzzjoni tagħhom hija indispensabbli għall-iżvilupp soċjali u kulturali t’Għawdex u għandha tkun rikonoxxuta. Hemm ukoll l-aspett ekonomiku li qed ikun imsaħħaħ permezz ta’ settur turistiku speċjalizzat. Il-Gvern qed ifittex li s-settur turistiku jkun wieħed dinamiku u versatili li jattira firxa wiesgħa ta’ nies. F’dan ir-rigward, l-Opri f’Għawdex qed jagħtu kontribut qawwi biex jattiraw udjenza diversifikata.”

Michael Formosa, iċ-Chairman tal-Festival, qal li din is-sena l-festival u l-opra se jikkoinċidu mat-tnedija taċ-ċelebrazzjonijiet relatati mal-inawgurazzjoni tat-Teatru Astra ħamsin sena ilu. It-Teatru Astra fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku ġenerali f’Jannar 1968. Huwa nnota li sensiela ta’ avvenimenti u produzzjonijiet ewlenin qed jiġu ppjanati mit-Teatru Astra biex jirreġistraw rikonoxximent ta’ dan l-istadju importanti fl-istorja kontemporanja lokali. Huwa rrimarka li f’dawn l-aħħar 50 sena, it-Teatru Astra, li jkompli jitmexxa mill-voluntiera, kellu kontribut sinifikanti għall-iżvilupp tal-arti f’Malta u f’Għawdex, offra pjattaforma għal numru ta’ artisti – inkluż it-tenur ta’ fama mondjali Joseph Calleja u arrikkixxa mingħajr ebda dubju l-kalendarju kulturali fuq il-gżira. L-avvenimenti ewlenin li qed jiġu ppjanati għall-2018 jinkludu wirja li se tirrakkonta l-istorja ta’ dawn l-aħħar 50 sena tat-teatru, il-musical Jesus Christ Superstar f’Marzu li fiha se naraw artisti magħrufa internazzjonalment, il-5 edizzjoni speċjali ta’ RockAstra, l-opra ta’ Giacomo Puccini, Manon Lescaut f’Ottubru u l-Kunċert il-Kbir mill-Banda La Stella f’Novembru.

Il-Prof. Joseph Vella spjega li Lucia di Lammermoor hija opra li tiċċelebra l-istil tradizzjonali ‘bel canto’ tar-repertorju Taljan tad-19-il seklu. Il-melodija u l-‘vuċi kantata’ huma s-sinsla tal-mużika. Dan kollu flimkien mal-ġmiel tal-passaġġi korali tagħha, huwa kkonkluda, huma l-aqwa garanzija għal dawk kollha li jħobbu l-opra biex igawdu lejla ta’ melodiji li wieħed jista’ jkanta magħhom, ta’ pirotekniċi vokali u, għaliex le, laqta ta’ drama romantika!

L-opra Lucia di Lammermoor se jkollha żewġ rappreżentazzjonijiet fis-26 u fit-28 ta’ Ottubru fis-19.30hrs. It-Teatru Astra għal darb’oħra se jkun qed jippreżenta numru ta’ artisti stilel għal dik li qed tipprometti li se tkun prestazzjoni eċċellenti. L-aspetti tad-disinn tal-produzzjoni se jkunu f’idejn Enrico Stinchelli speċifikament għall-palk tat-Teatru Astra. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra mħarrġa minn Maria Frendo se jkunu taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, id-direttur mużikali residenti tat-Teatru Astra. Minbarra t-tim ta’ kantanti magħrufa internazzjonalment, jiġifieri Giulio Pelligra, Serenad Uyar, Boris Pinkhasovich u Dario Russo, l-Astra bi pjaċir se jkun qed joffri pjattaforma mistħoqqa lill-istilel lokali Cliff Zammit Stevens u Marvic Monreal.

It-Teatru Astra se jkun qed iġedded il-kollaborazzjoni tiegħu mat-Teatru Manoel fl-organizzazzjoni ta’ sessjoni ta’ ħidma dwar l-opra fit-12 ta’ Ottubru fis-19.30 hrs. L-avveniment huwa mingħajr ħlas.

Dawk li jattendu l-opra b’mod regolari u li se jkunu qed iżuru Għawdex matul tmiem il-ġimgħa tal-opra se jkollhom l-opportunità li jattendu numru ta’ avvenimenti oħra mingħajr ħlas, jiġifieri, xogħol mużikali Clarinet, Euphonium and Trumpet fil-Lukanda Kempinski San Lawrenz nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Ottubru, u taħdita dwar l-opra li qed tiġi mtella’, li se jagħmel Dr Abraham Borg f’Vini e Capricci nhar is-Sibt 28 ta’ Ottubru fl-10.00hrs.

L-avvenimenti l-oħra fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival jinkludu lekċer storiku mogħti minn Dr George Paul Pisani fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, bl-isem Attilio Mori’s Description of Gozo at the turn of the 20th Century nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru. L-istoriku tal-arti Dr Mark Sagona se jkun ukoll parti mil-lista ta’ din is-sena ta’ avvenimenti permezz ta’ lekċer ieħor fis-Sala tal-Ministeru għal Għawdex nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Novembru, bl-isem The Renaissance Revival: its manifestation in Malta.

Il-Banda Filarmonika La Stella taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella se tkun qed tieħu sehem fil-Kunċert Kbir Annwali tradizzjonali, skedat għas-Sibt 18 ta’ Novembru fit-20.00hrs. Fil-kunċert se naraw il-Banda tinterpreta għażla ta’ mużika klassika, semi-klassika u sinfonika, f’dak li dejjem iżjed qed isir avveniment tant mistenni f’Għawdex għal dawk kollha li jħobbu l-mużika.

Nhar is-Sibt 25 ta’ Novembru, it-Teatru Astra se jospita kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Wayne Marshall, li se jinkludi tliet xogħlijiet kbar minn kompożituri Russi.

L-opra qegħda ssir bl-għajnuna tal-Gozo Cultural Support Programme.

Il-prenotazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-helpdesk tal-Festival fuq 21550985, bil-posta elettronika fuq: [email protected] Il-prenotazzjonijiet onlajn u informazzjoni oħra dwar l-opra u l-Festival huma disponibbli fuq: www.teatruastra.org.mt.

Ritratti: Bank of Valletta plc