Join Us On:

News Archive

ANNUAL SYMPHONIC CONCERT – SATURDAY 15 DECEMBER

Nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru 2007, il-banda ċittadina u dekana “La Stella” tal-belt Victoria ser ittella’ il-kunċert sinfoniku annwali tagħha ġewwa t-Teatru Astra. F’dan il-programm mużikali, il-banda li ser tkun taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella, ser tesegwixxi mużika li tvarja minn klassika għal kontemporanju. Il-banda ser tiftaħ il-kunċert b’silta mużikali mill-film “Pirates of the Caribbean” ta’ Klaus Badelt, fuq arranġament ta’ John Wasson. Din tiġbor fiha wħud mill-isbaħ siltiet muzikali li nstemgħu f’dan il-film mill-aktar popolari li ħareġ ftit tas-snin ilu.

Il-kunċert ikompli bl-overture ta’ l-opra “Rienzi” ta’ Richard Wagner; Air & Variation bl-isem ta’ “Grand Father’s Clock” ta’ George Doughty fejn f’din is-silta ser idoqq bħala solista fuq l-Euphonium, il-mużiċist żagħżugħ George Camilleri – silta li ser tagħti l-opportunità lis-solista li juri l-ħiliet tekniċi li bihom huwa dotat. Wara din is-silta mużikali jkun imiss selezzjoni mill-opra “Macbeth” ta’ Verdi fuq arranġament tal-Professur Joseph Vella. Silta oħra mużikali mill-aktar popolari li ser tindaqq hija “New World Symphony” ta’ Antonin Dvorak. L-aħħar silta mużikali li ser tindaqq hi “In Memoriam Mgr Salv Borg” – marċ funebri li nkiteb mis-surmast Joseph Vella għall-mibki Mons. Salv Borg, Arċipriet Emeritu tal-bażilika ta’ San Ġorġ u Kappillan tal-banda “La Stella”, li ħalla dan il-wied ta’ dmugħ f’Settembru li għadda. Dan il-marċ inkiteb l-għada li tħabbret il-mewt ta’ dan is-saċerdot maħbub u ndaqq fil-funeral tiegħu, tliet ijiem wara. Kien Mons. Borg innifsu li waqt waħda mill-aħħar żjarat tas-surmast Vella fl-isptar San Luqa, wera x-xewqa li jinkiteb marċ funebri għalih wara mewtu. Huwa xieraq li l-banda mill-ġdid issellem lil dan is-saċerdot maħbub bid-daqq ta’ dan il-marċ funebri u tiddedika dan il-kunċert mużikali għalih.

Is-solisti f’dan il-programm annwali ser ikunu: George Camilleri (Flute); Mario Galea (Clarinet); Michel Refalo (Trumpet); George Refalo (Frech Horn); Mark Schembri (Althorn) u Anton Sacco (Euphonium), li huma lkoll bandisti tal-banda “La Stella”.

Kulħadd huwa mistieden biex jattendi għal dan il-kunċert sinfoniku li jibda fis-7.30pm. Fil-jiem li ġejjin www.lastella.com.mt.mt ser tkompli taġġornakom dwar dan l-avveniment annwali, fejn ser nagħtu ħarsa aktar dettaljata lejn is-siltiet mużikali magħżula li ser jiġu esegwiti f’dan il-kunċert.