Join Us On:

News Archive

AMEDEO MINGHI FIT-TEATRU ASTRA F’NOVEMBRU

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” bi pjaċir tħabbar il-Kunċert ta’ Amedeo Minghi ġewwa t-Teatru Astra nhar is-Sibt l-1 ta’ Novembru 2008. Dan tħabbar waqt konferenza għall-istampa mill-amministrazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella” u tat-Teatru Astra, dalgħodu ġewwa l-lukanda ‘Corinthia Palace’ f’Ħ’Attard.

Kif tħabbar tul il-konferenza Amedeo Minghi aċċetta l-istedina li saritlu min-naħa tas-Soċjetà ‘La Stella’ biex jagħti kunċert fit-teatru tas-Soċjetà. Il-kantant popolari Taljan tul il-kunċert ser ikun qed ikanta wkoll fi duets mal-kantanta Għawdxija Morena, kif ukoll mal-kantanta Ira Losco li qed tikseb suċċessi kbar madwar l-Ewropa. Tul dan il-kunċert grandjuż ser jieħu sehem ukoll il-kor tal-bażilika ta’ San Ġorġ ‘Laudate Pueri’ li flimkien ma’ Minghi ser ikantaw il-kanzunetta ddedikata lill-Papa Ġwanni Pawlu II “Un Uomo Venuto da Lontano”.

L-istorja ta’ suċċess ta’ dan il-kantant popolari Taljan, Amedeo Minghi, tirrifletti ruħha fil-kanzunetta “L’Immenso” li ta f’diversi versjonijiet mad-dinja kollha fl-aħħar nofs tas-snin sebgħin. Wara żmien jikteb għal kantanti oħrajn fl-1983 Minghi iltaqa’ ma’ poeta żagħżugħ Ruman. Hawnhekk il-melodija eleganti ta’ Minghi tħalltet man-naturalezza tal-versi ta’ dan il-poeta u fit-tliet snin ta’ wara, twieldu wħud mill-kanzunetti l-aktar sbieħ ta’ Minghi: “1950”; “St Michel”; “Quando l’estate verrà”, “Sognami”; “Emanuele e io”, “Cuore di pace”, “Ladri di sole”.

Wara din is-sħubija ma’ Chiocchio, Minghi reġa’ beda jipproduċi u jippublika hu, l-ewwel “Serenata” u wara kanzunetta li tellgħatu fost il-kbar “Le nuvole e la rosa”. “Forse si musicale” intlaqgħet b’entużjażmu kbir u kienet il-bidu ta’ suċċess li baqa’ jikber. Minn hemm beda tournèe li ntemm tliet snin wara b’miljun spettatur u bejgħ ta’ mijiet ta’ eluf ta’ diski bħal “La vita mia”, “Canzoni, “Vattene amore” li kiteb għal Mietta.

Minghi hu wkoll kompożitur ta’ ‘colonne sonore’ għat-televiżjoni. Is-suċċess ta’ Minghi wasslu għat-tieni nofs tas-snin disgħin b’suċċessi kbar bħal “Come due soli in cielo”, “Cantare è d’amore” u “Decenni”. F’Settembru 1997 ippubblika fl-Amerika t’Isfel l-album “Cantare è d’amore” fejn ta tliet kunċerti kbar f’San Paolo tal-Brażil.

Minghi temm il-millenju l-ieħor bil-kanzunetta “Un Uomo Venuto da Lontano” dedikata għall-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II, kummissjonat mill-Vatikan fl-okkażjoni tal-Ġublew 2000. Il-kanzunetta “Gerusalemme” hi marbuta ma’ proġett kbir ta’ Minghi fl-Art Imqaddsa, ħdejn il-ħajt tal-belt ta’ Ġerusalemm flimkien ma’ kantant Lhudi u ieħor Palestinjan. Fis-sena 2000 Amedeo Minghi ipparteċipa fil-festival ta’ San Remo fejn kanta ma’ Mariella Nava “Futuro come te”.

Fil-ħarifa tas-sena 2000 Minghi ippubblika l-album tiegħu “Anita”. Fl-istess żminijiet ippubblika “L’altra faccia della luna”. F’Jannar 2005 Minghi ippubblika l-album “Su di me”. F’April 2006, fl-okkażjoni ta’ l-erbgħin sena tal-karriera mużkali tiegħu l-“EMI” ippubblikat “The Platinum Collection” u fi 3 CDs ġabru 48 kanzunetta minn tiegħu

Aktar tagħrif dwar il-Kunċert kbir ta’ Amedeo Minghi ġewwa t-Teatru Astra jitħabbar aktar ’il quddiem fuq dan is-sit.

03/06/2008