Join Us On:

News Archive

ĦALLEJTNA, ĦABIB!

ĦALLEJTNA, ĦABIB!  ĦALLEJTNA WAĦIDNA!  ĦALLEJTNA NIBKUK!

Qiegħda titkellem qalb muġugħa ta’ Ġorġjan li l-lum fil-għodu sema’ l-aħbar li l-Kanonku Joe Mejlak ħalliena u mar jingħaqad ma’ Dak li dejjem ħabb. Kulħadd jafek ġo San Ġorġ, qassis mudell dejjem lest tagħti daqqa t’id. Min jaf kemm smajt problemi ta’ nies waqt sigħat twal ta’ Qrar li dejjem għamilthom b’imħabba kbira. Dejjem rajniek fejn il-bieb taċ-ċentru parrokkjali ssellem lil kull min jafek, għax kienu jħobbuk. Kemm minna għaddew saċ-ċentru parrokkjali biex jisimgħu ftit leħnek, jitkellmu ma’ ħabib, jgħidu nofs ta’ kelma jew ta’ l-inqas jiddiskutu fuq l-isport favorit tiegħek tal-futbol. Iva, kont supporter ta’ l-Italja u fan speċjali tal-Fiorentina.
 
Imma lilek nafuk fuq kollox bħala Ġorġjan, li dejjem ħdimt u ħarist l-interessi ta’ San Ġorġ. Min jaf idek kemm kitbet vrus sbieħ ta’ qima u tifħir lejn San Ġorġ! Min jaf kemm karti ħarbixt biex toffri ftit mill-għana tiegħek lill-Patrun tiegħek! Min jaf kemm ippubblikajt kotba biex taqsam magħna l-ħsibijiet tiegħek! Min jaf kemm-il darba rajniek bil-qiegħda quddiem id-dar tistenna l-purċissjoni ta’ San Ġorġ biex titgħaxxaq bih. Għax int Ġorġjan u partitarju Ta’ l-Istilla. Nafu b’liema mħabba kont tisma’ l-marċijiet fuq l-istazzjon tar-radju tagħna Leħen il-Belt Victoria. Kemm-il darba smajniek titlob il-marċ Fiorentina, il-marċ favorit tiegħek. Imma l-aktar li nafuk aħna l-Ġorġjani huwa fil-vrus tiegħek li b’ imħabba kbira ktibt lil dak li dejjem ħabbejt: San Ġorġ. Kulħadd għadhom jidwu f’moħħu dawk il-kliem ta’ “San Ġorġ, San Ġorġ, insellmu ’l-Kampjun tal-qaddisin”. Kemm hu sabiħ dak l-innu, Georgius natus est, li lanqas int ma taf kemm-il darba tkexkixna aħna u nisimgħuh u llissnuh. U min jaf kemm poeżiji, radju drammi u innijiet ktibt. Imma l-lum insellmu lilek, Kan. Joe Mejlak, li sa tħalli vojt kbir f’qalbna. Minn hawnhekk tingħaqad magħna s-Soċjetà La Stella, il-president u l-kumitat, is-sottokumitati, is-sezzjonijiet kollha fi ħdan is-Soċjetà, il-bandisti ħbieb tiegħek u l-partitarji kollha fi ħdan din is-Soċjetà La Stella, u nsellmulek bid-dmugħ f’għajnejna imma bil-ferħ f’qalbna li għandna ieħor minn ħutna ħdejn Ġorġi tagħna.