Join Us On:

News Archive

AKTAR XOGĦOL FUQ IL-MUSICAL “GĦALIEX JIEN?”

L-attivita’ fuq il-palk tat-teatru Astra matul dawn l-ewwel ġimgħat tas-sena 2011 ma waqfet xejn. Fil-fatt, wara li aktar kmieni dan ix-xahar ittella’ l-kunċert spettakolari mill-banda: Soundtracks Alive: music from the movies!, fil-bidu ta’ Marzu, l-istess teatru ser jilqa’ fih il-karattri ta’ ZOO għal spettaklu ieħor li bħal dejjem għandu jattira ħafna nies. Iżda minbarra dawn l-attivitajiet, fuq l-istess palk f’dawn il-ġranet għaddejjin il-provi u l-armar tas-sett għall-musical tal-passjoni, li issa jinsabu fl-aqwa tagħhom. Bla dubju produzzjoni bħal din tirrekkjedi ħafna u ħafna xogħol, grazzi għal bosta volontarji u żgħażagħ li ssibhom dejjem f’avvenimenti bħal dawn.

“Għaliex jien? – Il-Passjoni b’Differenza” huwa l-isem ta’ musical li  qed isir b’inizjattiva tal-Għaqda ta’ l-Armar tal-Festa ta’ San Ġorġ u l-atturi tat-Teatru Astra f’kollaborazzjoni mal-istess teatru fi ħdan is-Soċjetà La Stella. Kif jixhed l-istess isem, dan il-musical jittratta b’mod kontemporanju, storja marbuta mal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. 

Il-musical ser jittellla s-Sibt, 2 ta’ April 2011, proprju waqt iż-żmien qaddis tal-Ġimgħa l-Kbira. Din il-produzzjoni li hi kitba ta’ Joe Chircop, ser tkun immexxija minn Mario Tabone u mill-istess Joe Chircop. Fih se jieħdu sehem l-aqwa talent vokali Malti fost l-oħrajn Mark Tonna u Georgina. Il-booking li fetaħ aktar kmieni dan ix-xahar miexi tajjeb ħafna. Għal aktar tagħrif wieħed għandu jibgħat email fuq: [email protected]