Join Us On:

News Archive

AKTAR PREPARAMENTI GĦALL-FESTIVAL

Aktar ma toqrob id-data tal-ftuħ tal-Festival Mediterranea 2011, jiżdiedu l-impenji minn kull naħa tas-Soċjetà, kumitat organizzattiv u partitarji.

Naturalment l-ewwel appuntament huwa dak tal-opra lirika Norma, li bħalma tafu titlob ħafna xogħol bħalma ġa ktibna bnadi oħra.  Il-preparazzjoni titlob dedikazzjoni minn ħafna nies li kważi kollha jaħdmu b’mod volontarju.  Il-Każin bħalissa fih ħafna attivitajiet ta’ preparazzjoni għaddejjin fl-istess ħin.  Xogħol fuq ix-xenarju, fuq il-kostumi, fuq il-palk, tindif, u xogħol ieħor fil-Foyer tat-Teatru.  Bdew ukoll il-provi mad-direttur artistiku li jinsab fostna.  Il-provi tal-kor ilhom ħafna li bdew u issa l-membri ingħaqdu mal-bqija tal-cast.

Wieħed irid japprezza wkoll li jsir ħafna xogħol ieħor minn membri li ma jkunux jidhru fosthom l-organizzazjoni loġistika, relazzjonjiet pubbliċi, reklamar, ritratti u filmati, pubblikazzjonjiet dwar il-festival, internet u ħafna affarijiet oħra simili.

Fl-opra din is-sena se jkollna sopran ta’ fama internazzjonali, il-Griega Dimitra Theodossiou, li fil-preżent hija meqjusa bħala l-aħjar waħda għall-opra Norma.

Norma se tiġi rappreżentata darbtejn, il-Ħamis, 17 u s-Sibt, 29 ta’ Ottubru.  Biex wieħed jibbukkja jista’ jċempel fuq 21550985 jew 79256897, jew jikteb fuq [email protected].  Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt.