Join Us On:

News Archive

AKTAR IMPENJI GĦALL-BANDA ‘LA STELLA’

Hekk kif beda x-xahar ta’ Ġunju, il-banda ċittadina La Stella kompliet bl-impenji tagħha marbuta mal-festi Sajfin. Wara l-festa ta’ San Pawl fil-Munxar li tat bidu għall-festi Għawdxin, il-Ħadd li għadda kien imiss il-festa tal-Corpus fir-raħal ċkejken tal-Għasri. Hawn il-banda tagħna mhux biss kienet hi li akkumpanjat il-purċissjoni, imma kienet ukoll l-uniku banda mistiedna għal din il-festa. F’din l-okkażjoni l-banda għamlet marċ qasir qabel il-purċissjoni u wara akkumpanjat l-istess purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi madwar it-toroq ewlenin tar-raħal.  F’din il-purċissjoni daqqew ukoll għall-ewwel darba l-bandisti ġodda: Kersten Grima; Isaac Grima; Andrea Cauchi; Anthony Mizzi; Noemi Portelli u Oreste Portelli (jidhru fir-ritratti). 

Irrekordjati l-marċi brijużi l-ġodda

Intant, il-Ħadd filgħodu l-banda kienet ukoll impenjata bir-rekording tas-sett il-ġdid ta’ marċi brijużi għall-festi ta’ San Ġorġ 2009. Ir-rekording sar bħas-soltu fuq il-palk tat-teatru Astra, taħt id-direzzjoni tas-surmast il-Prof. Joseph Vella. Għal darb’oħra r-rekording ġie fdat f’idejn John Cauchi ta’ PRO studios. Il-banda rrekordjat sett ta’ ħdax-il marċ, uħud minnhom ġodda u oħrajn li nħarġu mill-arkivju rikk tas-Soċjeta’. Is-CD il-ġdid ta’ marċi brijużi ser joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin, u għaldaqstant dakinhar inkunu nistgħu nħabbru fuq dan is-sit, il-lista sħiħa ta’ marċi li ser jinkludi s-CD Album numru 20 tal-banda tagħna.

Impenji oħra

Fi tmiem il-ġimgħa jkompli l-impenji tal-banda marbuta mal-festi Għawdxin, din id-darba fir-raħal tal-Fontana, raħal ieħor marbut sew mal-komunita’ Ġorġjana u mas-Soċ. Filar. La Stella. Hawn il-banda tkun mistiedna għal żewġ servizzi oħra, wieħed lejlet il-festa, li jikkonsisti f’marċ brijuż madwar it-toroq tar-raħal li jagħlaq bid-daqq tal-innu l-kbir fuq il-planċier; u l-ieħor l-għada l-Ħadd, jum il-festa, fejn il-banda wara li tesegwixxi l-innu l-kbir, takkumpanja l-purċissjoni devota bl-istatwa artistika tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. B’hekk s’issa l-banda tkun ħadet sehem fl-ewwel tliet festi li ġew iċċelebrati f’Għawdex mill-aħħar ta’ Mejju s’issa. L-impenji tagħna jkomplu fil-festa ta’ San Ġwann il-Battista fix-Xewkija u fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur, fejn hawn il-banda tkun mistiedna darbtejn. Aktar dettalji fuq dawn is-servizzi tal-banda tagħna fil-ġranet li ġejjin.