Join Us On:

News Archive

23 SERVIZZ FL-AĦĦAR TLIET XHUR

In-numru kbir ta’ impenji u stediniet li kellha l-banda ċittadina u dekana La Stella, tul l-istaġun festiv tas-Sajf bla dubju jkompli jixhed il-popolarità kbira li tgawdi din il-banda ewlenija tal-belt Victoria. Fil-fatt biex inkunu preċiżi, bejn l-24 ta’ Mejju 2008 u t-30 t’Awwissu 2008, il-banda dekana kellha xejn inqas minn tlieta u għoxrin servizz. Il-banda ħadet sehem f’għaxar festi barra l-belt Victoria, b’total ta’ tlettax-il servizz li varjaw minn Programmi Mużikali, Marċi brijużi u popolari, u akkumpanjament ta’ purċissjonijiet. Barra dawn is-servizzi l-banda bħal dejjem ħadet sehem fil-festa prinċipali t’Għawdex dik ta’ San Ġorġ Martri fil-qalba tal-belt Għawdxija.

Il-banda dekana daqqet erba’ programmi mużikali: fil-festi ta’ San Pawl fil-Munxar; ta’ Santa Margerita f’ta’ Sannat; ta’ San Lawrenz f’San Lawrenz; u ta’ Santa Marija fiż-Żebbuġ. Fil-festi tas-Salvatur fl-Għasri, u tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana l-banda akkumpanjat il-purċissjoni. Fi tliet festi minn għaxra l-banda għamlet żewġ servizzi fl-istess festa: fil-Fontana; fin-Nadur; u San Lawrenz. Il-banda kellha wkoll l-okkażjoni li ddoqq l-innu l-kbir fil-ħruġ tal-purċissjoni ta’ tliet lokalitajiet: il-Munxar, il-Fontana u San Lawrenz. Intant fil-festa tal-belt Victoria l-banda dekana għamlet tmien servizzi. F’Ġunju l-banda ġiet mistiedna wkoll biex tagħmel marċ brijuż fiż-żona residenzjali Taċ-Ċawla fl-okkażjoni ta’ Jum il-belt Victoria. Fis-17 ta’ Lulju, f’nofs il-festi ta’ San Ġorġ Martri l-banda akkumpanjat il-funeral ta’ wieħed mill-membri ferm ħabrieka tal-kumitat ċentrali, Anton Vella, magħruf magħna lkoll bħala Toni Dalli. Infakkru wkoll  li għal dan l-istaġun tal-festi l-banda rrekordjat tliet CDs: wieħed li joħroġ ta’ kull sena bil-marċi brijużi tal-festa ta’ San Ġorġ; ieħor bl-innijet Pawlini għall-festa ta’ San Pawl tal-Munxar; u ieħor bl-innijiet ta’ San Lawrenz għall-festa ta’ dan il-qaddis fir-raħal ta’ San Lawrenz. Is-servizzi kollha li l-banda La Stella kellha dan is-Sajf kienu dawn:

24 ta’ Mejju: Marċ brijuż, Daqq ta’ l-innu l-kbir u Programm Mużikali fil-festa ta’ San Pawl fil-Munxar.
8 ta’ Ġunju: Akkumpanjat il-Purċissjoni fil-festa tas-Salvatur fl-Għasri.
14 ta’ Ġunju: Marċ brijuż lejlet il-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana.
15 ta’ Ġunju: Daqq ta’ l-innu l-kbir u purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana.
20 ta’ Ġunju: Marċ brijuż fl-okkażjoni ta’ Jum il-belt Victoria.
21 ta’ Ġunju: Marċ brijuż ta’ lejlet il-festa ta’ San Ġwann fix-Xewkija.
26 ta’ Ġunju: Marċ brijuż fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur.
28 ta’ Ġunju: Marċ brijuż ta’ lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur.
15 ta’ Lulju: Marċ brijuż fl-okkażjoni tal-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ Martri.
16 ta’ Lulju: Akkumpanjat id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel.
17 ta’ Lulju: Akkumpanjat il-funeral ta’ Anton Vella, membru tal-kumitat tas-Soċ. La Stella.
18 ta’ Lulju: Akkumpanjat id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ.
19 ta’ Lulju: Marċ brijuż minn Pjazza San Ġorġ sat-Teatru Astra. (filgħodu)
19 ta’ Lulju: Akkumpanjat it-Translazzjoni Solenni mill-bażilika ta’ San Ġorġ.
19 ta’ Lulju: Marċ brijuż u singulari flimkien mal-banda King’s Own lejlet il-festa ta’ San Ġorġ.
20 ta’ Lulju: Daqq ta’ l-innu l-kbir u wara akkumpanjat il-purċissjoni ta’ San Ġorġ.
20 ta’ Lulju: Marċ brijuż ta’ l-aħħar mit-Teatru Astra sa Pjazza San Ġorġ.
27 ta’ Lulju: Marċ brijuż u Programm mużikali fil-festa ta’ Santa Margerita ta’ Sannat.
2 t’Awwissu: Marċ brijuż ta’ lejlet il-festa fil-festa ta’ San Ġużepp il-Qala.
9 t’Awwissu: Marċ brijuż ta’ lejlet il-festa ta’ San Lawrenz f’San Lawrenz.
10 t’Awwissu: Daqq ta’ l-innu l-kbir u wara programm mużikali fil-festa ta’ San Lawrenz f’San Lawrenz.
23 t’Awwissu: Programm mużikali lejlet il-festa ta’ Santa Marija fiż-Żebbuġ.
30 t’Awwissu: Marċ brijuż ta’ lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem. 

Wieħed irid isemmi li huma biss erbgħa l-festi f’Għawdex li fihom il-banda tagħna ma ħaditx sehem. Barra minn hekk f’seba’ festi (mhux inkluża l-festa ta’ San Ġorġ) il-banda tagħna kienet l-uniku waħda mill-belt Victoria li ħadet sehem. Meta wieħed iħares lejn din il-lista twila ta’ servizzi li kellha l-banda tagħna, jifhem sew il-popolarità kbira li għadha tgawdi l-banda dekana t’Għawdex. Fuq kollox dawn l-impenji kollha huma frott ukoll ir-relazzjoniijet ferm tajba u l-istima kbira li, għal kuntrarju ta’ baned oħra, il-banda tagħna għadha tgawdi ma’ kull rokna t’Għawdex. Minn din il-paġna nixtiequ nuru l-apprezzament tagħna lill-bandisti tagħna kollha flimkien mas-surmast direttur li urew impenn u serjetà biex stajna nonoraw dan in-numru kbir ta’ servizzi f’medda ta’ 98 jum.

13.09.2008