Join Us On:

News Archive

2009: SENA IMPENJATTIVA, SENA TA’ SUĊĊESSI

Hekk kif ninsabu fl-aħħar jiem tas-sena 2009, tajjeb li fuq din il-websajt uffiċjali tas-Soċjeta’ nagħtu ħarsa dettaljata lejn dak li għaddiet minnu s-Soċjeta’ La Stella u l-għaqdiet kollha li jiffurmaw parti minnha. Xieraq li nibdew mill-banda dekana, li hija r-ruħ tas-Soċjeta’: 35 servizz f’dawn l-aħħar tnax-il xahar. Bla dubju, numru li jixhed il-ħidma u l-impenn li tirrekkjedi. Minn dawn il-35 servizz, insibu l-impenji tal-banda tagħna fl-istaġun tal-festi fejn ħadet sehem f’xejn inqas minn ħdax-il festa; tliet programmi mużikali (is-sitt programmi mużikali fil-festi tal-irħula mhux inklużi); u numru ta’ impenji oħra marbuta mal-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u ċelebrazzjonijiet oħra f’beltna u barra minn beltna. Minbarra dawn il-35 servizz, il-banda kienet tkun impenjata kważi kull tmiem il-ġimgħa b’kunċerti preparatorji li ħejjew lill-banda biex taqta’ figura ferm tajba f’kull servizz li tat. Irridu nsemmu wkoll li matul din is-sena ġie rrekordjat CD ġdid ta’ marċi brijużi fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Martri. L-ewwel impenn tal-banda f’din is-sena kien fil-festa ta’ San Ġwann Bosco ċċelebrata f’beltna fl-1 ta’ Frar, filwaqt li l-aħħar servizz kien dak fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ċċelebrata f’beltna wkoll fil-jum tagħha t-8 ta’ Diċembru. Jispikkaw fost dan in-numru ta’ impenji t-tmien servizzi li tat il-banda fl-okkażjoni tal-festa titulari ta’ San Ġorġ u ż-żewġ programmi mużikali: wieħed f’jum San Ġorġ (23 ta’ April) u l-ieħor f’Festival Mediterranea (21 ta’ Novembru) fejn il-banda fiż-żewġ okkażjonijiet tat wirja stupenda quddiem attendenza kbira kemm fi Pjazza San Ġorġ kif ukoll fit-Teatru Astra, għall-programm annwali. Tajjeb li nsemmu wkoll il-ħidma kbira li għaddejja fl-akkademja tal-mużika tas-Soċjeta’ fejn din is-sena seba’ allievi ngħaqdu mal-banda fil-ftuħ tal-istaġun tal-festi. Ma’ dawn insibu numru kbir ieħor li għadhom għaddejjin bit-taħriġ tagħhom fit-teorija u fl-istrument mal-għalliema rispettivi.

It-Teatru Astra għal sena oħra reġa’ kien fuq quddiem nett b’numru ta’ produzzjonijiet li fosthom bla dubju tispikka r-rappreżentazzjoni doppja tal-opra Verdjana Rigoletto f’Ottubru li għadda, fejn fiż-żewġ okkażjonijiet it-teatru kien ippakkjat. Produzzjonijiet oħra ta’ suċċess kienu l-play Dear Nobody mill-Gozo Creative Theatre Club; l-ispettaklu taż-żfin Unforgettable mill-kumpanijia taż-żfin CentreStage; u l-ispettaklu komiku ta’ ZOO Jingle Balls. 

Fis-Soċjeta’ nsibu wkoll numru sabiħ ta’ għaqdiet li kollha jaħdmu bla heda matul is-sena kollha. L-Għaqda tal-Armar u dik tan-Nar huma żewġ għaqdiet li l-ħidma tagħhom tħalli l-frott fil-jiem sbieħ tal-festa ta’ San Ġorġ f’Lulju – ħidma li ma tiqafx u li tinvolvi ħafna sagrifiċċji u ħin, iżda grazzi għall-element b’saħħtu żagħżugħ li għandna fi ħdan dawn l-għaqdiet, il-motivazzjoni u l-entużjażmu ma jonqsux.

Tispikka l-ħidma wkoll tal-Grupp Folkloristiku Astra li l-impenji tiegħu sena wara sena qed ikomplu jiżdiedu. Din is-sena minbarra numru kbir ta’ impenji f’Malta, il-grupp ġie mistieden jieħu sehem f’żewġ festivals folkloristiċi barra minn pajjiżna: f’Budapest, l-Ungerija (April) u f’Miranda de Ebro, Spanja (Settembru). Dawn iż-żewġ ġiti seħħew grazzi wkoll għar-relazzjonijiet ferm tajba li għandu l-grupp folkloristiku tagħna ma’ diversi entitajiet. 

Issa li l-2010 tinsab wara l-bieb, is-Soċjeta’ tinsab lesta għal sfidi u opportunitajiet ġodda u bħal dejjem tilqagħhom b’entużjażmu, biex f’dak kollu li jsir toħroġ bl-unuri. Fost l-anniversarji li ser jiġu mfakkra matul is-sena li ġejja jispikka bla dubju l-40 anniversarju tal-Prof. Joseph Vella, bħala surmast direttur tal-banda tagħna. M’hemmx dubju li dan l-anniversarju tant sinifikattiv ser jiġi mfakkar bil-kbir, iżda dwar dan nilħqu nitkellmu aktar ‘il quddiem. 

Nagħlqu din il-paġna billi nirringrazzjaw lil dawk kollha li jiffurmaw parti mis-Soċjeta’ tagħna tal-ħidma kbira tagħhom. Il-ħidma ta’ kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, minn dawk li jokkupaw l-ogħli karigi sal-iżgħar membri…hija ferm apprezzata u j’Alla s-sena li ġejja nkomplu nibnu fuq is-suċċessi li ksibna matul is-snin biex b’hekk is-Soċjeta’ tagħna, li tant u tant ngħożżu tibqa’ dejjem tissaħħaħ.

Awguri!