Join Us On:

BANDA  

Michael Formosa

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Sena ta’ tiġdid, tama u tislima ta’ gratitudni
(Lulju 2021)

L-aħħar tnax-il xahar għal darb’oħra kienu perjodu ieħor ta’ sfida kbira għas-Soċjetà Filarmonika La Stella, xhur li kienu siekta mill-attività mużikali u artistika tal-Banda Ċittadina La Stella u t-Teatru Astra, imma intensi fil-proġetti ta’ investiment li saru fl-istrutturi tal-Każin u tat-Teatru. L-isfida tal-pandemija ġiet imdawra f’opportunità li nġeddu l-bażi tagħna, sabiex meta jkun il-waqt is-Soċjetà La Stella jkollha ħeġġa ġdida biex tkompli tikber u tirbaħ.

Fl-aħħar sena, il-ħidma fi ħdan l-iskola tal-mużika tal-Banda La Stella, li jien poġġejt bħala t-tragward prinċipali tal-ħidma tal-Kumitat sa minn meta assumejt il-kariga ta’ President tas-Soċjetà, mhux biss baqgħet għaddejja imma ssaħħet u kibret. Bi pjaċir intenni li l-iskola tal-mużika tal-Banda Ċittadina La Stella għandha madwar 20 student ta’ etajiet differenti. Fl-aħħar xhur ser ikunu ngħaqdu mal-Banda La Stella 8 bandisti ġodda. F’Ottubru u f’Mejju li għadda saru żewġ serati mużikali virtwali mill-istudenti tal-iskola. Matul Diċembru, l-alljievi animaw ukoll in-Novena tal-Milied. Insellem l-impenn tal-għalliema, l-istudenti, il-ġenituri u t-tim li jikkordina l-iskola tal-mużika tagħna.

It-tiġdid mess kull rokna tal-kumpless enormi li għandha s-Soċjetà La Stella. Intemm ix-xogħol fuq il-kamerini l-ġodda tat-Teatru Astra b’faċilitajiet state-of-the-art, ġew installati madwar 40 pannella fotovoltajka ġdida, inbniet sala ġdida għall-Banda La Stella li ser tkun imsemmija għas-Surmast Joseph Vella, u beda x-xogħol ta’ riġenerazzjoni tas-Sala Giuseppe Giardini Vella li ser tkun mibdula f’sala tal-konferenzi, fejn sa issa saru diġà żewġ bathrooms ġodda u sar xogħol importanti ta’ manutenzjoni fuq is-saqaf. Permezz ta’ fondi tal-Kunsill Malti tal-Arti sar ukoll investiment f’sistema ġdida ta’ sound għat-Teatru Astra, cycolaram ġdida u investiment ieħor li jtejjeb il-faċilitajiet diġitali tal-istess Teatru.

Għall-ewwel darba, is-Soċjetà La Stella ser tkun qed tibbenefika minn fondi Ewropej li ser jintużaw fi proġett li ħa jġedded, anki permezz ta’ investiment privat, il-Każin u l-parti kummerċjali, li issa ħa tinkludi wkoll ristorant. Il-proġett jinkludi wkoll ċentru kulturali bi spazju għal mużew fuq il-Banda La Stella u t-Teatru Astra u anki ċentru għall-esibizzjonijiet temporanji. Ġew iffinalizzati wkoll xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jiffaċilitaw l-installazzjoni ta’ żewġ lifts li jsolvu l-problemi kbar ta’ aċċessibbiltà fil-Każin u t-Teatru tagħna.

Matul dawn il-ġranet ser ikollna l-opportunità naraw l-ewwel fażi ta’ restawr tal-faċċata tal-Każin u t-Teatru – wirt prezzjuż li issa ġie rrestawrat. Dan ix-xogħol sar grazzi għall-ġenerożità tas-Soċji. Bi pjaċir ninnota li matul din is-sena s-Soċjetà rreġistrat l-ogħla numru ta’ soċji li ġeddew it-tessera tagħhom – sinjal inkoraġġanti ieħor ta’ tiġdid u tama.

Is-Soċjetà għexet ukoll mumenti ta’ diqa kbira. F’Lulju u mbagħad f’Settembru sellimna lil tnejn minn sħabna, il-bandisti onorarji Ġanni Farrugia u Michael Camilleri. L-impenn u d-dedikazzjoni li wrew fi ħdan il-Banda huma ta’ ispirazzjoni għalina.

F’Jannar li għadda Għawdex imbagħad tilef persunaġġ importanti fl-istorja riċenti tiegħu: lis-Sur Paul M. Cassar li għal għexieren ta’ snin serva bħala Segretarju Ġenerali u anki President. Is-Sur Cassar mexxa u temm b’suċċess il-viżjoni rivoluzzjonarja tiegħu għas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Proto-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Is-Soċjetà La Stella fi żmien it-tmexxija tiegħu bniet l-ikbar Każin fil-gżejjer Maltin, it-Teatru Astra, u anki proprjetà oħra li tintuża għal fini kummerċjali. Fl-istess żmien, il-Banda Ċittadina La Stella kitbet l-isbaħ ġrajjiet fil-ktieb tal-istorja tagħha u t-Teatru Astra nbena u, ftit biss wara, sar katalist fix-xena kulturali lokali. Bi grazzja speċjali s-Soċjetà La Stella rnexxielha tippubblika l-ktieb Teatru Astra – Proġett għal Dejjem, ftit ġimgħat qabel it-telfa tas-Sur Cassar.

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-Parroċċa ta’ San Ġorġ huma għal dejjem grati lejn il-kontribut u t-tmexxija tas-Sur Paul M. Cassar.

B’umiltà jmiss lilna nkomplu mmexxu dan il-legat b’viżjoni ta’ tiġdid, tama u b’tislima ta’ gratitudni.

Michael Formosa
President
Soċjetà Filarmonika La Stella

(Messaġġ tal-President li ġie ppublikat fil-pubblikazzjoni annwali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Lulju 2021)

_______________________________________________

Żmien ta’ tama
(Lulju 2020)

L-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ din is-sena hi għalina lkoll sinjal ta’ tama lejn in-normalità tal-ħajja li fl-aħħar xhur konna anzjużi li ħa nitilfu.

Il-figura ta’ San Ġorġ u l-festa tiegħu, sa minn dejjem kienu għall-poplu Għawdxi sinjal ta’ tama fid-dawl tat-“taqbid il-kbir”, ta’ kull xorta li Għawdex ġarrab matul is-snin.  Iċ-ċelebrazzjonijiet staordinarji f’dawn il-ġranet sbieħ ta’ Lulju, li dehru inkonċepibbli sa ftit ġranet ilu, ċertament huma s-sinjal ta’ barka li rċieva l-poplu wara żmien ta’ diffikultà li waħħad aktar ’il-Ġorġjani ma’ San Ġorġ.

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, ewlenija fost kulħadd, hi l-interpreti tal-viċinanza tal-poplu lejn il-Patrun tiegħu u l-festi li qed norganizzaw, meta jiġu mgħixa f’kontinwazzjoni u fid-dawl taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-Parroċċa ta’ Għawdex, huma espressjoni ta’ gratitudini lejn Dak li “ħtarna sa mill-bidu’’.

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, fl-aħħar xhur għaddiet minn mument ta’ prova qawwi, meta prattikament kull operat tagħna waqaf.  Il-miżuri restrittivi mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, in vista tal-pandemija, tħabbru ftit jiem qabel kellhom jiġu ppreżentati erba’ rappreżentazzjonijiet tal-ħames musical konsekuttiv, Sister Act – proġett li t-Teatru Astra kien ilu jaħdem fuqu sa minn Lulju 2019.  Waħda mill-aktar deċiżjonijiet diffiċli li kelli nieħu fl-aħħar għaxar snin kienet li nipposponi din l-produzzjoni u niffaċċjaw il-konsegwenzi, inklużi dawk finanzjarji, li deċiżjoni bħal din ġġib magħha.  Bil-għajnuna u s-sapport tal-eluf ta’ udjenzi u l-isponsors tagħna – il-mira tagħna issa hi li din l-produzzjoni, li bħal ta’ qabilha għandha tikteb paġna oħra fl-istorja tat-Teatru Astra, tittella’ għal tal-anqas erba’ darbiet f’ Marzu 2021.  L-istess xorti ħazina messet lill-opra Carmen, li għall-ewwel darba kienet ser tittella’ fit-Teatru Astra f’Ottubru 2020. L-aspetattiva kbira li kienet qed tinbena għal din l-opra issa hi rridirezzjonata għal Ottubru 2021.

Żmien ta’ tisħiħ

L-ethos tas-Soċjetà tagħna, hu wieħed ta’ rieda soda, anke fl-aktar mumenti diffiċli. L-istorja tagħna tgħallimna u hi l-boxxla li tiggwidana.  Żgur li l-aħħar xhur ma jistgħux jiġu meqjusa bħal żmien mitluf.  Għalkemm tlifna kull sors ta’ dħul u l-opportunità li norganizzaw diversi attivitajiet, fosthom is-sehem fil-festi tal-Għid, irbaħna l-opportunità li nsaħħu l-istrutturi tagħna.

Bi pjaċir nistqarr li t-tagħlim tal-mużika lill-alljievi tagħna ma qata’ qatt u baqa’ għaddej b’mod virtwali. Sadanittant lestejna x-xogħol fil-klassijiet tal-mużika, li issa huma mgħammra b’faċilitajiet ta’ arja kkundizzjonata, bathrooms ġodda, u riżorsi oħra meħtieġa għat-tagħlim.

Fl-ewwel xhur tas-sena lestejna x-xogħol ta’ attrezzar tal-uffiċini ġodda li jilqgħu fihom anke booking office u l-arkivju amministrattiv.

L-akbar investiment li sar fl-aħħar sena però kien ir-rinnovazzjoni ta’ sezzjoni ġdida tal-backstage, l-akbar investiment ġdid li sar wara l-bini tat-Teatru Astra, ftit aktar minn ħamsin sena ilu. Dan l-investiment, li sar bil-għajnuna ta’ fondi mill-aġenzija Teatru Malta, ser ikompli jżid l-potenzjal tat-Teatru Astra u jiffaċilita s-servizzi għall-artisti u l-crew tal-backstage. Jeżistu aktar pjanijiet ta’ ristrutturar għall-palk li ser nvaraw fix-xhur li ġejjin.

F’Marzu ħabbarna wkoll li ser tinbena sala ġdida għall-Banda La Stella li ser tkun iddedikata lill-Prof. Joseph Vella, dan wara li b’suċċess intrebħu fondi pubbliċi kompetittivi. Ix-xogħol ta’ pjanifkazzjoni issa kwazi ġie fi tmiemu u ninsabu resqin lejn il-bidu tax-xogħlijiet fuq is-sit. Bi pjaċir inħabbar ukoll li wara diskussjonijiet twal, inħareġ il-permess sabiex is-Soċjetà La Stella issa tista’ tinstalla sistema ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tal-Każin kbir tagħha.

Però l-akbar proġett li żamm impenjat lill-Kumitat Eżekuttiv fl-aħħar xhur kien dak ta’ riġenerazzjoni mill-qiegħ, tal-foyer tal-Każin u t-Teatru Astra.  Ix-xewqa tagħna hi li bħal-lum sena, il-familja tal-Istilla jkollha dar aktar akkoljenti fejn tkompli tgħix u taħdem u tilqa’ lil eluf li jżuru darna matul is-sena.

Insellem lil sħabi fil-Kumitat Ġenerali u dak tal-Banda La Stella, il-Bandisti u s-Surmast, l-Assistenti, l-għalliema tal-alljievi, is-sottokumitati tal-Armar, tan-Nar u l-Għaqda Żgħażagħ La Stella għall-impenn eżemplari għal dak kollu li s-Soċjetà La Stella tanima matul s-sena.

Nixtieq fl-aħħar nagħlaq b’tislima lejn membru tal-familja li tlifna matul is-sena – il-Bandista Christine Gauci, li ħallietna wara inċident ta’ qsim il-qalb.  U għax il-ħajja għalkemm xi kultant mimlja bin-niket tobbligana li nkomplu nterrqu l-mixja, nilqa’ fil-Banda Ċittadina La Stella – il-qalb tas-Soċjetà tagħna – liż-żewġ bandisti li ngħaqdu magħha matul l-aħħar xhur, Luca Vella (saxophone) u Kurt Vella (klarinett).

Dawn ukoll, fiż-żmien tal-lum, huma sinjali ta’ tama u tisħiħ, għall-futur.

 

Michael Formosa
President
Soċjetà Filarmonika La Stella

(Messaġġ tal-President li ġie ppublikat fil-pubblikazzjoni annwali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Lulju 2020)

________________________________________________________

Ċelebrazzjoni ta’ identità
(Lulju 2019)

Il-Festa ta’ San Ġorġ hi l-okkażjoni annwali fejn il-komunità, li b’unur tifforma parti mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ u l-partit tal-Istilla, iddur lura lejn dak li hu l-bażi tal-identità tagħha, il-qima u l-imħabba lejn il-Patrun tagħna San Ġorġ, u tħares ukoll lura lejn sena ta’ impenn. Aħna xxurtjati li l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna ħadmu mhux ftit biex il-bażi tal-identità tagħna tkun waħda mill-aktar soda u wiesgħa li fuqha nistgħu nibnu bis-sħiħ.

Din is-sena l-Festa għandha wkoll aċċent akbar li jixprunana nħarsu lura lejn il-wirt tal-identità li ssawwarna: l-anniversarju mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, li kull sena fil-ġimgħa li twassal għat-tielet Ħadd ta’ Lulju tkun iċ-ċentru tal-“festa l-aktar popolari tal-gżira”, u hi l-monument ta’ din l-identità li għandna tant ngħożżu.

U la aħna l-kustodji ta’ din l-identità, l-azzjonijiet tagħna għandhom ikunu ggwidati minn boxxla li tmexxi ’l quddiem u tikkonsolida l-interessi ta’ dak kollu li jsawwar din ir-realtà.

Il-Parroċċa u l-Bażilika ta’ San Ġorġ u dak kollu li hi tanima matul is-sena għandha tibqa’ t-tieni dar tagħna. Wara kollox l-istorja li ma tmurx lura ħafna fis-snin tirrakkonta kif is-Soċjetà Filarmonika La Stella kienet id-difensur u l-promotur tal-interessi ta’ din id-dar tant sabiħa.

Il-fundaturi tas-Soċjetà Filarmonika La Stella fasslu qafas li jsaħħaħ l-identità tagħna, imsejjes fuq l-imħabba lejn il-Patrun ta’ gżiritna u l-arti f’kull forma tagħha. Kull ġenerazzjoni ħalliet il-marka tagħha u kkontribwiet biex dan il-qafas li jerfa’ l-identità tagħna jkun u jibqa’ b’saħħtu.

Dan hu l-obbligu tagħna llum. Fuq quddiem, kull min jifforma parti mis-Soċjetà Filarmonika La Stella għandu jħoss din ir-responsabbiltà.

Il-qalba tas-Soċjetà La Stella hi d-dar tagħha, il-Każin fiċ-ċentru ta’ beltna: każin li jospita mhux biss lill-Banda tiegħu, imma wkoll Teatru ta’ prestiġju li jgħolli ’l fuq il-profil tal-identità, kemm f’Malta u lil hinn. Nemmen li fl-aħħar snin raddejna lura bil-kbir l-investiment li ta’ qabilna għamlu fit-Teatru Astra. Iż-żewġ attivitajiet prinċipali tal-aħħar xhur, l-opra La Traviata (Ottubru 2018) u l-musical Joseph and the Amazing Technicolor Dreamcoat (Marzu 2019), reġgħu kkonfermaw lis-Soċjetà La Stella bħala l-aġent ewlieni u l-leader indiskuss fil-qasam teatrali fil-gżejjer Maltin.

Il-ħarsien tal-proprjetà u r-rinnovar ta’ numru ta’ spazji fil-każin tagħna jibqgħu sfida li qed nieħdu b’serjetà għax nemmnu li d-dar hi l-lokal fejn l-identità tagħna tiġi msawra. Fl-aħħar xhur ittrasformajna spazju mitluq f’music room fejn jitħarrġu l-istudenti tal-banda u l-kor tagħna, bnejna uffiċċju amministrattiv ġdid għall-banda, irrinovajna l-arkivju amministrattiv u l-ispazji fejn jiltaqa’ u jopera l-Kumitat, għamilna xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bjut tat-teatru, u anki ġeddidna l-operat tal-bar tal-każin. Bħalissa għaddej proġett kbir ta’ rinovazzjoni f’sezzjoni tal-backstage tat-teatru. Dan għandu jgħin fl-esperjenza ta’ dawk kollha li jkunu parti mill-produzzjonijiet li jsiru fit-teatru. Il-pjanifikazzjoni ta’ aktar proġetti biex isaħħu l-istrutturi minn fejn topera s-Soċjetà għadha għaddejja.

Il-Banda hi fuq kollox u għandha tibqa’ l-qalba tal-identità tagħna. L-attività ta’ matul l-aħħar xhur, wara t-tiġdid li għaddejna minnu, bil-ħatra tas-Surmast Direttur Dr John Galea, kienet waħda ta’ impenn sħiħ. Għal din il-Festa l-Banda ser tkun qed iżżanżan sett ta’ marċi ġodda li ġie rrekordjat fuq CD fi Frar li għadda. Il-preparazzjoni għall-impenji importanti tax-xhur li ġejjin, minbarra n-numru ta’ impenji fil-festi tal-irħula, diġà bdiet. RockAstra ta’ ftit aktar minn xahar ilu hi okkażjoni oħra ta’ kif l-identità tal-Banda tagħna ġġeddet fl-aħħar sitt snin. RockAstra mhux biss kienet parti minn tiġdid imma wkoll okkażjoni ta’ konferma tal-primat li l-Banda tagħna dejjem gawdiet fil-programmi mużikali kbar tagħha f’Għawdex, Malta u anki barra. Insellem għalhekk il-gwida tas-Surmast Sigmund Mifsud. Il-Banda La Stella fl-aħħar xhur onorat ukoll b’suċċess l-impenji fil-festi tal-Għid, inkluż bi programm ta’ mużika sagra mmexxi mis-Surmast Noel Beck. Il-ħidma favur il-Banda ma għandha tkun qatt biżżejjed, u għalhekk nistqarr li baqa’ ħafna x’nagħmlu. Kull min iħoss li hu parti mis-Soċjetà La Stella għandu jħoss id-dmir li jkun ta’ sapport għall-Banda, fost l-oħrajn billi jħajjar lil dawk viċin tiegħu jiffurmaw parti minn din ir-realtà mużikali. Id-direzzjoni tas-Soċjetà La Stella min-naħa tagħha ser tkompli tinvesti bis-sħiħ f’dan kollu.

Il-Festa ta’ San Ġorġ fl-aħħar mill-aħħar hi ċ-ċelebrazzjoni l-aktar viżibbli tal-identità tagħna. Insellem lil kull min hu impenjat bis-sħiħ f’din il-festa l-kbira: il-Banda Ċittadina La Stella, u s-Sottokumitati kollha li janimaw ġimgħa ta’ spettakli kbar, dak tal-Armar, iż-Żgħażagħ u n-Nar. L-appell tal-Kumitat kemm lill-partitarji u kemm lill-komunità kummerċjali ta’ beltna li tant tgawdi mill-Festa hu dak għall-ġenerożità, sabiex il-Festa ta’ San Ġorġ li tant inħobbu tibqa’ sostenibbli u ma tkunx ta’ piż enormi fuq l-operat tas-Soċjetà La Stella.

Jixraq ukoll li nsellem l-impenn tar-realtajiet l-oħra li jiffurmaw is-Soċjetà Filmarmonika La Stella u huma parti mill-mużajk li jifforma u jixgħel dawl fuq l-identità tagħna wkoll: l-Astra Folk Group, il-Grupp tal-Karnival, l-Astra Power Boys, u fl-aħħar u mhux l-inqas lit-tfal u d-direzzjoni tal-Kor tas-Soċjetà La Stella, Piccole Stelle. F’dawn, u fl-allievi tal-Banda tagħna, nistgħu minn issa nilmħu l-qafas tal-istampa tal-identità tagħna ta’ għada qed tissawwar.

B’umiltà, sens ta’ responsabbiltà u gratitudni għal dawk li fl-aħħar snin iggwidawni, hu ta’ unur għalija li din is-sena qed nindirizzakom bħala President tas-Soċjetà La Stella. It-tama u x-xewqa tiegħi tibqa’ li s-Soċjetà La Stella u kull inizjattiva li din tanima, tkun ċelebrazzjoni tal-identità tagħna.

Michael Formosa
President
Soċjetà Filarmonika La Stella

(Messaġġ tal-President li ġie ppublikat fil-pubblikazzjoni annwali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Lulju 2019)