Join Us On:

Teatru  

10a

 It-Teatru Astra tal-Belt Victoria ġie inawgurat f’Jannar 1968.  Dan it-teatru jifforma parti minn organizzazzjoni mużikali ferm akbar: is-Soċjetà Filarmonika La Stella.  Tul dawn is-snin, it-Teatru laqa’ fih artisti ta’ kalibru kbir, fosthom Raffaella Carrà, Goggi Sisters, Al Bano u Romina Power, The Platters, Bobby Solo, Osibisa, Montparnasse Ballet Troupe u riċentement il-kantant Taljan Nek u l-Ballet Classique de Paris.  It-talent lokali minn dejjem sab l-inkuraġġiment tal-amministrazzjoni ta’ dan it-teatru.

Fit-Teatru Astra l-pubbliku Għawdxi seta’ jgawdi diversi operetti ta’ klassi, fosthom The Merry Widow, Principessa della Czardas, The Gondoliers, The Great Waltz, Geisha u oħrajn.  Diversi xogħlijiet letterarji kbar, li jinkludu Shakespeare, Goldoni, Ibsen, Feydeau, Molière u Brandom Thomas, ukoll kienu mtellgħin fuq il-palk grandjuż tat-Teatru Astra.

  1988_LElisir_dAmore    2005_La_Boheme_1_Medium  2007_Macbeth_1_Medium

Fl-1978 it-Teatru Astra għamel qabża kbira fil-kwalità tal-produzzjonijiet tiegħu, għaliex tella’ għall-ewwel darba l-ogħla produzzjoni teatrali: l-opra lirika.  L-opra ta’ Giuseppe Verdi, Rigoletto, kienet l-ewwel waħda minn lista twila ta’ produzzjonijiet ta’ din ix-xorta. Imbagħad segwew Il Barbiere di Siviglia, Aida, Lucia di Lamermoor, L’Elisir d’Amore, Norma, La Traviata, La Forza del Destino, Nabucco, Turandot, Il Trovatore, Macbeth, La Gioconda, Madama Butterfly, Un Ballo in Maschera, Otello, Tosca u La Bohème. Din tal-aħħar kienet l-ewwel waħda li ġiet imtellgħa f’dan it-teatru minn meta ġie rrestawrat mill-ġdid wara l-ħruq li b’xorti ħażina sofra f’Novembru 2003.  Din l-opra laqgħet mill-ġdid t-tenur ċelebri Malti Joseph Calleja, wara li kien iddebutta fl-1997.  Fil-passat dan it-teatru laqa’ fih ukoll kantanti ta’ fama internazzjonali, fosthom Ghena Dimitrova, Pamela Kucenic, Adelaide Negri, Nicola Rossi-Lemeni, Aldo Protti, Mark Rucker u Rumen Doikov u s-soprana Daniela Dessi.

Ix-xogħol ta’ restawr sar f’inqas minn sentejn u dan grazzi għax-xogħol ta’ ħafna voluntiera li taw dak kollu possibbli biex jaraw lil dan it-teatru jibda jiffunzjona mill-ġdid.  Id-disinn reġa’ sar mill-ġdid u tħalla f’idejn l-espert Peter Howitt, rebbieħ ukoll ta’ diversi oscars, li ta dehra aktar klassika lit-Teatru Astra.

Wara s-suċċess tal-opra La Bohème f’Ottubru 2005, li reġgħet inawgurat mill-ġdid it-Teatru Astra, ġiet kompluta t-tieni fażi ta’ restawr.  Fis-sena 2006 fit-Teatru Astra ttellgħu tliet opri f’serata waħda – Suor Angelica, Cavalleria Rusticana u Pagliacci, bħala parti minn Festival Mediterranea.  Warajhom saru Macbeth, Rigoletto, Turandot, La Traviata, Norma u Madama Butterfly b’kast eċċezzjonali minn La Scala f’Milan.  Għal din l-opra ż-żewġ serati kienu fully booked.  Fil-fatt ir-rappreżentazzjoni tal-Ħamis ta’ Madama Butterfly tas-sena 2012 kienet il-ħamsin opra li ttellgħet mit-Teatru Astra.  Fl-2016 għall-ewwel darba ġie imtella’ live b’suċċess kbir l-musical Grease bis-sehem ta’ bosta kantanti u żeffiena lokali ta’ fama nazzjonali.

Aktar tagħrif fuq l-opra fit-Teatru Astra wieħed jista’ jidħol fis-sit elettroniku www.mediterranea.com.  Bookings għall-opri fit-Teatru Astra issa jistgħu jsiru online fuq www.teatruastra.org.mt.

Lista tal-opri mtellgħa fit-Teatru Astra:

Rigoletto | Giuseppe Verdi  | 15 September 1978
Il Barbiere di Siviglia | Gioacchino Rossini | 16 September 1978
L’Elisir d’Amore  | Gaetano Donizetti | 26 February 1988
Lucia di Lamermoor | Gaetano Donizetti | 27 February 1988
Aida | Giuseppe Verdi | 3, 5 June 1988
Aida | Giuseppe Verdi |24, 26, 28 August 1988
La Traviata | Giuseppe Verdi | 15, 16 April 1989
Norma | Vincenzo Bellini |30 March; 1 April 1990
La Forza del Destino | Giuseppe Verdi | 15, 17 May 1992
Nabucco  |Giuseppe Verdi  |  5 November 1994
Turandot  | Giacomo Puccini  | 21, 22 October 1995
Il Trovatore   |   Giuseppe Verdi  |  27, 30 April 1996
Macbeth  | Giuseppe Verdi | 17, 18 May 1997
Rigoletto |  Giuseppe Verdi  |  28 March 1998
Aida |Giuseppe Verdi  |  1 May 1999
La Gioconda  |  Amilcare Ponchielli  |  11, 13 May 2000
Madama Butterfly |  Giacomo Puccini |  28 April 2001
Un Ballo in Maschera  |  Giuseppe Verdi |  22, 24 November 2002
Otello   | Giuseppe Verdi  |  1 November 2003
Tosca  | Giacomo Puccini  | 30 October 2004
La Bohéme | Giacomo Puccini | 27, 29 October 2005
Suor Angelica | Giacomo Puccini  | 26, 28 October 2006
Pagliacci  |  Ruggero Leoncavallo |  26, 28 October 2006
Cavalleria Rusticana |  Pietro Mascagni   |   26, 28 October 2006
Macbeth | Giuseppe Verdi | 25, 27 October 2007
Turandot | Giacomo Puccini | 23, 25 October 2008
Rigoletto |  Giuseppe Verdi | 29, 31 October 2009
La Traviata | Giuseppe Verdi  |  28, 30 October 2010
Norma | Vincenzo Bellini   |  27, 29 October 2011
Madama Butterfly  | Giacomo Puccini  | 25, 27 October 2012
Otello | Giuseppe Verdi | 24, 26 October 2013
Nabucco | Giuseppe Verdi | 23, 25 October 2014
La Bohéme | Giacomo Puccini | 29, 31 October 2015
Aida | Giuseppe Verdi | 27, 29 October 2016