Join Us On:

Teatru  

10a

It-Teatru Astra tal-belt Victoria ġie inawgurat f’Jannar ta’ l-1968. Dan it-teatru jifforma parti minn organizzazzjoni mużikali ferm akbar, is-Soċjetà Filarmonika La Stella. Tul dawn is-snin it-teatru laqa’ fih artisti ta’ kalibru kbir, fosthom Raffaella Carra, Goggi Sisters, Al Bano u Romina Power, The Platters, Bobby Solo, Osibisa, Montparnasse Ballet Troupe u riċentament il-kantant Taljan Nek u l-Ballet Classique de Paris. It-talent lokali minn dejjem kien inkuraġġit f’dan it-teatru.

Fit-Teatru Astra l-pubbliku Għawdxi seta’ jgawdi diversi operetti ta’ klassi, fosthom The Merry Widow, Principessa della Czardas, The Gondoliers, The Great Waltz, Geisha u oħrajn. Diversi xogħlijiet letterarji kbar li jinkludu Shakespeare, Goldoni, Ibsen, Feydeau, Molière, u Brandom Thomas ukoll kienu mtellgħin fuq il-palk grandjuż tat-Teatru Astra.

1988_LElisir_dAmore 2005_La_Boheme_1_Medium 2007_Macbeth_1_Medium

Fl-1978 it-Teatru Astra għamel qabża kbira fil-produzzjonijiet tiegħu, għaliex tella’ għall-ewwel darba l-ogħla produzzjoni teatrali: l-opra lirika. L-opra ta’ Giuseppe Verdi, Rigoletto kienet l-ewwel waħda minn lista twila ta’ produzzjonijiet ta’ din ix-xorta. Imbagħad segwew Il Barbiere di Siviglia, Aida, Lucia di Lamermoor, L’Elisir d’Amore, Norma, La Traviata, La Forza del Destino, Nabucco, Turandot, Il Trovatore, Macbeth, għal darb’oħra Rigoletto (1998) u Aida (1999), La Gioconda, Madama Butterfly, Un Ballo in Maschera, Otello, Tosca u riċentament La Bohème. Filfatt din ta’ l-aħħar kienet l-ewwel waħda li ġiet imtellgħa f’dan it-teatru minn meta ġie rrestawrat mill-ġdid wara l-ħruq li sfortunatament kien sofra f’Novembru 2003. Din l-opra laqgħet f’dan it-teatru t-tenur ċelebri Malti Joseph Calleja, li ġibed lejn dan it-teatru eluf kbar ta’ ammiraturi u dilettanti ta’ l-opra lirika. Fil-passat dan it-teatru laqa’ fih ukoll kantanti ta’ fama internazzjonali fosthom Ghena Dimitrova, Pamela Kucenic, Adelaide Negri, Nicola Rossi-Lemeni, Aldo Protti, Mark Rucker u Rumen Doikov.

Ix-xogħol ta’ restawr sar f’inqas minn sentejn u dan grazzi għax-xogħol ta’ ħafna volontarji li taw dak kollu possibbli biex jaraw lil dan it-teatru jerġa’ jibda jiffunzjona mill-ġdid. Id-disinn reġa’ sar mill-ġdid u din id-darba tħalla f’idejn l-espert Peter Howitt, rebbieħ ukoll ta’ diversi oscars, li ta dehra aktar klassika lit-Teatru Astra.

Wara s-suċċess ta’ l-opra La Bohème f’Ottubru 2005, li reġgħet inawgurat mill-ġdid it-Teatru Astra, ġiet kompluta t-tieni fażi ta’ restawr. Fis-sena 2006 fit-Teatru Astra ttellgħu tliet opri f’serata waħda – Suor Angelica, Cavalleria Rusticana u Pagliacci, għal darb’oħra bħala parti mill-Festival Mediterranea. Warajhom saru Macbeth, Rigoletto, Turandot, La Traviata, Norma u s-sena l-oħra Madama Butterfly b’kast eċċezzjonali minn La Scala f’Milan. Għal din l-opra ż-żewġt serati kienu fully booked. Filfatt ir-rappreżentazzjoni tal-Ħamis ta’ Madama Butterfly tas-sena 2012 kienet il-50 opra li ttellgħet mit-Teatru Astra.  Minn dakinhar ‘l hawn saru l-opri ta’ Otello u Nabucco u hemm ippjanata La Bohème għall-2015.