
Bil-kuntratt pubbliku tal-11 ta’ Jannar tas-sena 1881, il-Banda La Stella ġiet imwaqqfa legalment bħala l-ewwel banda Għawdxija. Bil-kuntratt, tlieta u għoxrin bandist intrabtu legalment f’għaqda li ġġib l-isem ta’ “La Stella Vincitrice”. Dan il-kuntratt sar propju seba’ xhur wara li din l-għaqda kienet wettqet programm mużikali fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, fl-okkażjoni tal-festa ta’ Sant’ Antnin tal-1880, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Anton Buhagiar.
Dan il-kuntratt, barra li jistabbilixxi lill-Banda La Stella bħala l-ewwel waħda ta’ Għawdex juri biċ-ċar li l-oriġini u t-tnissil imur lura sas-sena 1863. Fis-sena 1864, Għawdex inqata’ fi Djoċesi għalih u Mons. Francesco Buttigieg, Għawdxi, inħatar l-ewwel Isqof Djoċesan. Il-ferħ kien kbir u mal-ferħ tal-poplu ddoqq il-banda wkoll. Fin-‘Narrazzione Storica’ ta’ dak iż-żmien naqraw li żewġ baned ferrħu lill-poplu bid-daqq tagħhom u r-rivista ‘L’Arte’ ta’ Novembru tas-sena 1864 tgħarrafna wkoll li f’dawk il-festi kien hemm baned idoqqu fl-iljieli kollha. Baned idoqqu, zgħar u kbar ħadd ma jista’ jgħid fi żgur, iżda hu żgur li dawk kienu l-bidu tal-Banda La Stella.
Il-kuntratt tal-11 ta’ Jannar ta’ l-1881, jgħarrafna li ħamsa mill-bandisti kienu membri ta’ soċjetà antika u dan il-kuntratt itenni wkoll li erbattax il-bandist ieħor kienu mħarrġa sewwa fit-tagħlim mużikali u kienu lesti għall-kunċerti. Erbatax il-bandist ieħor kienu ppreparati biex idoqqu u dan juri biċ-ċar li l-bandisti tal-Għaqda “La Stella Vincitrice” kienu ġa bandisti u l-fdal ta’ dawk il-baned li għexu u tbiddlu mal-medda tas-snin 1863-1880 sa ma fl-aħħar ħadu sura ta’ Għaqda Mużikali regolari li daqqet fil-festa ta’ Sant’ Antnin fl-1880 u li fil-11 ta’ Jannar 1881 twaqqfet legalment bħala l-banda ewlenija ta’ Għawdex. L-ewwel kunċerti saru f’nru. 15 Strada San Giovanni li din id-dar serviet ukoll bħala l-ewwel każin.

Il-Banda La Stella twieldet, kibret u għexet dejjem għad-dell tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Fl-ewwel snin ta’ l-eżistenza uffiċjali tagħha, biex turi kemm lil San Ġorġ tqisu tagħha u tgħożżu għaliha, intrabtet b’kuntratt li tieħu ħsieb il-festi esterni li ta kull sena jsiru f’ġieħu fil-parroċċa tiegħu.
Fis-sena 1882, il-banda qasmet il-baħar u esegwiet l-ewwel programm minn banda Għawdxija f’Malta fil-festa tal-Vitorja fil-Mellieħa taħt id-direzzjoni tas-Surmast Achille Lanzon u fl-1888, il-banda daqqet fil-belt Valletta fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Duminku meta għamlet programm mużikali fi Pjazza Reġina. Dan beda rabta ma’ din il-festa u l-Banda King’s Own li torganizzaha li għada marbuta f’għoqda soda tant li l-Banda King’s Own għadha ta’ kull sena tiġi mistiedna għall-festa ta’ San Ġorġ fejn iż-żewġ baned joffru spettaklu ta’ muzika billi jingħaqdu f’banda waħda u jdoqqu innijiet u marċi lejliet il-festa.
Fl-1894, il-banda laqghet l-istatwa ta’ San Ġorġ għall-festi ta’ barra. Fis-sena 1930, il-Banda La Stella ffesteġjat għeluq il-50 anniversarju ta’ meta daqqet l-ewwel programm fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, nhar il-festa ta’ Sant’ Antnin taħt id-direzzjoni tas-Surmast Anton Buhagiar. Matul żmien it-tieni gwerra dinjija, il-Banda La Stella batiet ukoll, iżda sentejn wara, f’Settembru ta’ l-1947, il-banda għamlet l-ewwel safra barra x-xtut Maltin, meta marret Katanja, Sqallija fejn għamlet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Giuseppe Giardini Vella. Fis-sena ta’ wara, fl-1948 reġgħet marret Katanja u fl-1949 marret Palermo. Il-Banda La Stella għamlet bosta programmi barra minn Għawdex matul is-snin u fl-1994 marret il-Kanada fejn tat programmi u marċi fejn ferrħet lill-kommunità Maltija u Għawdxija fil-festa ta’ San Ġorġ li ssir f’Toronto meta kienet ġiet mistiedna mill-‘Assoċjazzjoni Festa San Ġorġ’.
Fis-sena 1976, il-Banda La Stella kienet l-ewwel banda fil-gżejjer Maltin u Għawdxin li ħarġet diska “long play” b’marċi u l-innu lil San Ġorġ tas-Surmast Vincenzo Ciappara.

Fil-bidu tagħha il-banda kienet tokkupa post fi Strada San Giovanni u wara nsibuha f’dar nru. 17 Strada Fontana li bdiet tintuża bħala każin fis-sena 1884. Fl-1893, is-soċjetà resqet aktar lejn il-qalb tar-Rabat meta nkisbet dar imdaqqsa viċin il-knisja ta’ San Ġorġ f’nru. 93 Strada Carità. Ir-raba’ każin kien fi Strada Palma fid-dar nru. 78 u fis-sena 1909 il-banda reġgħet biddlet il-każin għal darb’oħra fi Strada Carità fid-dar nru. 126. Fis-sena 1925, il-banda marret fi Triq it-Tigrija f’nru. 147. Fl-1940, narawha terġa’ tbiddel il-każin u tirtira f’wieħed iżgħar f’nru. 24 Triq Vajringa, dan kien żmien it-tieni gwerra dinjija. Wara li ntemmet il-gwerra, propju fis-sena 1944, is-soċjetà kisbet dar kbira fi Pjazza San Franġisk u fl-1952, għat-tielet darba nsibu l-każin fi Triq il-Karità fid-dar nru. 126. Hawn is-soċjetà għaddiet l-aħħar snin qabel ma xtrat il-post f’nru. 9 Triq it-Tiġrija fejn aktar tard żviluppat kumpless li jkopri każin, teatru u sala ta’ ż-żfin. Is-sena 1966, rat lis-soċjetà bil-każin fi Triq it-Tiġrija iżda, din id-darba bl-intenzjoni li titfa’ l-ankri f’dan il-post fejn kellha pjani u ambizzjonijiet differenti u ġodda.
Il-banda tista’ tiftaħar b’nies ta’ ċerta stima, abbilità, dehen, dedikazzjoni u impenn li dejjem kellha f’dak li jirrigwardja d-direzzjoni kif ukoll fit-tmexxija tagħha. Insibu lis-Surmast Antonio Buhagiar bħala l-ewwel Surmast Direttur li kellu l-abbilità li jwaqqaf il-banda mhux biss, iżda legalment bħala l-ewwel waħda Għawdxija. Surmastrijiet oħra li din il-Banda Ċittadina kellha u li bil-ħidma tagħhom kisbu suċċessi kienu: Salvu Grima 1881; Achille Lanzon 1884; Giuseppe Borg 1886; Anton Agius 1892; Alfonso Cinà 1901; Gaetano Grech 1902; Kav. Alfred P. Hare 1905; Giuseppe Grech 1923; Giuseppe Stivala 1925; Giuseppe Giardini Vella 1926; Anthony Sammut 1948; Ġanni Vella 1951; Angelo Pace 1956; Edgar Lowell 1958 u Prof. Joseph Vella 1970 sal-preżent.
Kitba ta' Gorg Borg