Is-Soċjeta' Filarmonika
La Stella tixtieq tingħaqad mal-komunita' kollha Ġorġjana biex tifraħ lill-Kan. Ġużeppi Sacco, teologu tal-kapitlu Ġorġjan fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju presbiterali tiegħu.
F'din l-okkażjoni, il-Kan. Ġużeppi Sacco, dalgħodu fil-11.00, mexxa konċelebrazzjoni solenni ta' radd il-ħajr fil-bażilika ta' San Ġorġ - konċelebrazzjoni li fiha ħa sehem il-kleru u l-kapitlu kollu tal-bażilika kolleġġjata Ġorġjana. Il-konċelebrazzjoni ġiet animata mill-kor
Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Kan. Ġorġ Frendo li esegwixxa l-
Missa de Angelis b'arranġament polifoniku ta' Domenico Bartolucci u motetti sagri ta' Giovanni Pierluigi da Palestrina, Lorenzo Perosi u Domenico Bartolucci.
Intant illejla tiġi fi tmiemha n-novena ġewwa l-bażilika - bid-disa' u l-aħħar espisodju mill-ħajja ta' San Ġorġ bit-tema:
Ħareġ Rebbieħ biex Jirbaħ (2000) - kitba tal-mibki Mons. Salv Borg u direzzjoni ta' Antonella Zammit. Wara l-quddiesa tan-novena jkun hemm party kbir għat-tfal fuq il-bejt taċ-ċentru parrokkjali.
Għada nidħlu fil-ġimgħa tal-festa. Dan is-sit ser iżommkom aġġornati matul il-jiem kollha tal-festa. Għall-programm sħiħ ta' attivitajiet idħlu fuq
Festi San Ġorġ 2010.