News

ANTON F. ATTARD MILL-ĠDID IKKUNDANNAT


Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), Ġurisdizzjoni Superjuri preseduta mill-Maġistrat Anthony Ellul fis-26 ta' Lulju 2007, kienet sabet lis-Sur Anton F. Attard ħati ta' malafama fil-konfront ta' Patri Ġorġ Aquilina. 

Fit-tieni kapitlu tal-ktieb tiegħu L-Arċimatriċi li qatt ma kienet, is-Sur Attard attribwielu dak li l-Qorti sejħet "kliem libelluż li ma jistax jinftiehem mod ieħor, anke minn qarrej ta' intelliġenza medja, ħlief bħala attakk personali fuq l-integrita' ta' Patri Aquilina u jnaqqaslu r-reputazzjoni tiegħu".

Il-Qorti kienet immultat lil Anton F. Attard bl-ispejjeż tal-kawża. Is-Sur Attard appella minn din is-sentenza. 

Nhar id-29 ta' Jannar 2010 il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Joseph Filletti ċaħdet l-appell tas-Sur Attard u kkonfermat l-ewwel sentenza kif mogħtija mill-Ewwel Qorti fis-26 ta' Lulju 2007.

Il-Qorti tal-Appell tenniet li "hi tal-ferma konvinzjoni li l-imsemmija kitba hi inġurjuża u malafamanti u taħt ebda ċirkustanza ma tali kitba tista' titqies bħala fair comment".

Il-Qorti tal-appell tenniet ukoll li "hawn si tratta tar-reputazzjoni, integrita' u professjonalita' ta' individwu li permezz tar-riċerka storika stabilixxa ruħu bħala fonti ta' referenza. Li wieħed ittimbrah bħala bniedem qarrieqi, manipulatur tal-fatti, falsifikatur ta' dokumenti storiċi żgur huma attributi gravi malafamanti", temmet il-Qorti.

Għalhekk ikkonfermat in toto s-sentenza appellata, ċaħdet l-Appell u kkonfermat il-multa ta' €1630 bl-ispejjeż taż-żewġ istanzi kontra l-appellant Anton F. Attard.

Is-Soċ. Filar. La Stella tixtieq tifraħ lil Patri Ġorġ Aquilina u lil Dun Karm Grech (awtur tal-ktieb Il-Knisja Arċimatriċi tal-belt u tal-Gżira ta' Għawdex) għal din ir-rebħa. Wara dan kollu ma naħsbux li huwa l-każ fejn inżidu aktar kummenti.

Back

© La Stella Band Club