Join Us On:

News Archive

TEATRU ASTRA U L-BANK OF VALLETTA UFFIĊJALMENT INIEDU L-OPRA AIDA U L-FESTIVAL TAL-ĦARIFA F’GĦAWDEX

festival-mediterranea-7

It-Teatru Astra, bl-appoġġ tal-Bank of Valletta, bi pjaċir iħabbar il-ħmistax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea, sensiela ta’ avvenimenti kulturali li se jsiru f’Għawdex bejn is-17 ta’ Ottubru u d-19 ta’ Novembru 2016.

Il-festival ta’ din is-sena ġie uffiċjalment imniedi matul konferenza stampa indirizzata mis-Sur Mario Mallia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, mis-Sur Michael Formosa, President tal-kumitat organizzattiv tal-Festival Mediterranea, mill-Prof. Mro Joseph Vella, id-Direttur Artistiku tal-Festival u mis-Sur Albert Marshall, Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Filwaqt li feraħ lill-organizzaturi għall-edizzjoni li jmiss tal-Festival Mediterranea, is-Sur Mallia qal, “Din is-sensiela ta’ attivitajiet mifruxa fuq xahar tinvolvi ħafna dedikazzjoni u xogħol iebes, li tħallat flimkien tant forom ta’ arti, inkluż l-opra, il-mużika, iż-żfin, l-istorja u l-arkeoloġija. Il-Bank of Valletta huwa kburi li kien qed jappoġġja dan l-avveniment sena wara l-oħra, u jkun xhieda tat-tkabbir tiegħu mill-ewwel edizzjoni li saret. Illum, il-Festival Mediterranea stabbilixxa ruħu bħala stadju importanti fil-kalendarju kulturali. Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-valur li dawn l-inizjattivi jġibu magħhom, mhux biss għal Għawdex imma wkoll għall-wirt kulturali nazzjonali tagħna, li jħeġġeġ l-imħabba fost il-poplu għad-dinja artistika, filwaqt li jpoġġi l-gżejjer Maltin fix-xena kulturali internazzjonali.”

festival-mediterranea-3

Michael Formosa qal li t-Teatru Astra bi pjaċir qed iħabbar il-ħmistax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea u l-opra Aida, it-tielet darba li t-Teatru qed jipproduċi din l-opra, wara li introduċa dan il-kapulavur dejjem popolari ta’ Verdi lill-pubbliku lokali kważi tliet deċennji ilu. Huwa qal li l-opra li jmiss, produzzjoni kompletament ġdida tal-opra ewlenija ta’ Verdi, l-Aida, hija mistennija li tkun produzzjoni favoluża li tkompli tqiegħed it-Teatru Astra fuq l-istess impronta ta’ teatri reġjonali Ewropej ewlenin, b’dan jimmarka l-vjaġġ li t-Teatru għadda minnu sa minn meta ttella’ l-ewwel Aida fl-1988. Is-Sur Formosa kkummenta dwar l-entużjażmu u l-impenn tal-voluntiera, li jsejsu kull produzzjoni ta’ opra fit-Teatru Astra, fenomenu li baqa’ b’saħħtu daqs kemm kien lura fiż-żmien meta saret il-produzzjoni tal-ewwel Aida fl-istess Teatru. Huwa enfasizza l-opportunità li t-Teatru qed jagħti lit-talent lokali u l-kontribuzzjoni mifruxa fuq xahar sħiħ li l-festival se jkun qed jagħti lill-komunità tan-negozju lokali.

Il-Prof. Joseph Vella spjega li l-Aida hija l-essenza tal-opra Taljana per eċċellenza – melodiji ta’ serħan, korijiet eċċellenti, vuċijiet solisti li jispikkaw, u xeni tal-ballet, ilkoll miġbura fi storja intriganti li toħodna fix-xenarju eżotiku, sabiħ ferm tal-Eġittu tal-qedem. Il-Prof. Vella qal li din hija t-tielet produzzjoni mit-Teatru Astra tal-Aida, opra li jidher li qatt ma titlef l-attrazzjoni tagħha fost dawk li jħobbu l-opra.

Huwa spjega wkoll kif it-Teatru Astra dejjem investa b’mod qawwi f’kantanti ta’ klassi dinjija u kor li r-reputazzjoni tiegħu ġiet stabbilita bħala waħda fuq quddiem nett tal-korijiet tal-opra fil-gżejjer Maltin. Huwa kkonkluda li l-produzzjoni ta’ din is-sena qed tipprometti li se tkun avveniment ieħor memorabbli f’dik li issa hija tradizzjoni tal-opri stabbilita sew li għamlet il-produzzjonijiet tat-Teatru Astra tant imfittxija u b’udjenzi regolari f’numri sbieħ.

Is-Sur Albert Marshall, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti awgura suċċess lit-Teatru Astra għall-opra Aida u tenna li permezz tal-Gozo Cultural Support Programme, imħaddem mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-Ministeru għal Għawdex, l-opra f’Għawdex qiegħda tkun dejjem iżjed appoġġjata biex tkompli tiżviluppa. Is-Sur Marshall qal li dan qed isir għaliex il-Kunsill Malti għall-Arti jemmen li l-organizzazzjonijiet kulturali f’Għawdex, bħas-Soċjetà Filarmonika La Stella, qegħdin dejjem iżjed jipproduċu avvenimenti ta’ kwalità artistika eċċellenti li jkomplu jattiraw udjenzi lokali u barranin.

L-opra Aida se tittella’ f’rappreżentazzjoni doppja fis-27 u fid-29 ta’ Ottubru fis-19.30. It-Teatru Astra qiegħed għal darb’oħra jippreżenta lista ta’ parteċipanti stilel għal dik li għandha tkun Aida mill-aqwa. Flimkien ma’ Carlo Colombara, kantant tal-opri ta’ livelli għoli b’mod partikolari għall-opri ta’ Verdi, il-parteċipanti l-oħra jinkludu lil Silvia dalla Benetta fil-parti prinċipali. Sania Ansastsia, kantanta ġdida għat-teatru, se tkun qed tinterpreta l-parti ta’ Amneris. Il-parti ta’ Radames se tiġi interpretata minn Antonino Interisano. Wara s-suċċess fl-2015 fil-La Boheme, Devid Cecconi se jkun qed jerġa’ lura fil-parti ta’ Amonasro. Petri Lindroos se jkollu l-parti tal-Faruni tal-Eġittu. Enrico Stinchelli, b’ismu marbut mal-programm ta’ fama La Barcaccia, se jkun għal darb’oħra responsabbli mill-produzzjoni artistika. Bħas-snin li għaddew, ix-xenarju se jkun iddisinjat u mibni minn Joseph Cauchi u t-tim tiegħu, filwaqt li Emanuel Grima u George Farrugia se jkunu inkarigati mill-kostumi.

It-Teatru Astra se jkun qed iġedded il-kollaborazzjoni tiegħu mat-Teatru Manoel fl-organizzazzjoni ta’ workshop dwar l-opra nhar it-Tnejn, 17 ta’ Ottubru fis-19.30. L-avveniment huwa mingħajr ħlas.

Dawk li jattendu l-opra u li se jkunu qed iżuru Għawdex matul tmiem il-ġimgħa tal-opra se jkollhom l-opportunità li jattendu numru ta’ avvenimenti oħra, jiġifieri, daqq ta’ mużika nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Ottubru fil-Kempinski San Lawrenz Resort and Spa, bis-sehem ta’ tliet solisti mill-Banda La Stella: Mario Galea (klarinett), George Camilleri (Ewfonju) u Robert Buttigieg (Trumbetta), u lekċer dwar l-opra Aida minn Dr Abraham Borg. Dan l-avveniment, bl-isem ‘Hymn to doomed love’ huwa skedat għal nhar is-Sibt, 29 ta’ Ottubru fl-10.00 ta’ filgħodu fil-Banca Guiratale f’Victoria. Iż-żewġ avvenimenti huma mingħajr ħlas.

It-Teatru Astra se jkun qed jospita triju u kwartett mill-Iżvezja f’kunċert ta’ nofsinhar fl-Aula Mgr Farrugia fil-Bażilika ta’ San Ġorġ nhar il-Ħamis, 3 ta’ Novembru. L-avvenimenti jinkludu lekċer minn Dr Paul George Pisani, ‘The Hospitallers as Historians’, li se jingħata nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, daqq fuq il-pjanu mill-pjanist żagħżugħ u b’talent kbir, Francis James Camilleri, nhar is-Sibt, 5 ta’ Novembru fl-Aula Mgr Farrugia, u lekċer fuq il-post bl-isem ‘Towards an Innovative and Modern Sensibility in Art in Gozo’ minn Dr Mark Sagona nhar is-Sibt, 12 ta’ Novembru. Matul il-festival, il-Ħaġar Musuem se jkun qed jospita wirja li għandha titfa’ dawl fuq l-esibizzjonijiet il-ġodda li ġew akkwistati reċentement mill-istess mużew.

Il-Banda Filarmonika La Stella se tagħlaq il-ħmistax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea b’kunċert klassiku li jinkludi xogħlijiet diversi, minn dawk tradizzjonali għal dawk kontemporanji. Dan il-kunċert kbir annwali se jittella’ nhar is-Sibt, 19 ta’ Novembru 2016. Il-banda se tkun immexxija mill-Prof. Joseph Vella.

L-opra AIDA qed issir bis-sapport tal-Gozo Cultural Support Fund istitwit mill-Malta Arts Council.

Ir-riservazzjonijiet u l-prenotazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-helpdesk tal-festival fuq 21550985, jew permezz tal-posta elettronika fuq: [email protected]. Il-prenotazzjonijiet online u informazzjoni oħra dwar l-opra u l-festival huma disponibbli fuq: www.teatruastra.org.mt