Join Us On:

News Archive

PRESEPJU GĦAWDXI B’DIFFERENZA MTELLA’ MIL-GĦAQDA ŻGĦAŻAGĦ LA STELLA

Nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru sar il-ftuħ uffiċjali tal-Presepju Għawdxi b’ Differenza mtella’ mil-Għaqda Żgħażagħ ġewwa s-Sala tar-Radju Leħen il-Belt Victoria. Dan il-presepju statiku jippreżentalna it-twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu f’ xenarju tipiku Għawdxi. Kemm ix-xenografija u l-pasturi li nsibu f’dan il-presepju huma xogħol l-artist Għawdxi, Michael Cutajar Zahra u mgħejjun minn membri tal-Għaqda Żgħażagħ La Stella  u oħrajn.

Bħala xenografija din is-sena intgħażel il-Wied tax-Xlendi u l-akkwati. Fost l-istrutturi li ġew replikati f’ dan il-presepju insibu l-għajn tal-ilma ta’ Wied il-Lunzjata li tmur lura għal żmien il-Kavallieri. Insibu wkoll it-torri tax-Xlendi li inbena fl-1650 mill-Granmastru Lascaris u il-Knisja tal-Fontana, li hi ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesu u nbniet bejn l-1893 u l-1905 u għandha rabtiet storiċi mal-Bażilika ta’ San Ġorġ u s-Soċjeta Filarmonika La Stella.

L-għar, fejn qed jiġi ppreżentat it-twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu hi l-parti interna tad-diskoteka La Grotta.  Il-Grotta, kif ħafna jsibuha, taf il-bidu tagħha bħala diskoteka fil-bidu tas-snin tmenin u sa dan iż-żmien għadha meqjusa bħala l-aqwa post tad-divertiment fil-gżira Għawdxija.

Fost il-personaġġi li ġew mżanzna din is-sena insibu lil Gorg Said, id-Dias, li huwa is-sid tad-diskoteka La Grotta. Barra minnhekk Gorg Said huwa assoċjat mal-Victoria Hotspurs fejn serva għal żmien twil bħala plejer u President tal-istess klabb.

Fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twaqqif tal-kumpanija Magro Brothers, l-Għaqda Żgħażagħ La Stella inkludiet ukoll il-pastur tal-merkant  Ġanni Magro li fl-1916 flimkien ma’ tlett uliedu bħala partners waqqaf l-istess kumpanija.

L-aħħar pastur ta’ din is-sena hu dak ta’ Mark Schembri, magħruf bhala id-deredej, li huwa wkoll bandist tas-Soċjeta Filarmonika La Stella. Mark Schembri huwa popolari ferm u maħbub minn kullħadd, b’mod speċjali fil-Belt Victoria, grazzi għal-karattru simpatiku u ferriehi li jħaddan.

Il-Presepju jiftaħ kuljum, filgħodu mill-10.00 sa nofinhar u filgħaxija mil-17.00 sat-20.00 sa nhar il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017. Żgur li wieħed m’għandux jitlef milli jżur dan il-Presepju oriġinali, b sett pasturi tassew speċjali.

15400360_1385284011495349_8321096771485629964_n