Join Us On:

News Archive

MONS. JOSEPH CURMI F’LAQGĦA UFFIĊJALI

Mons. Joseph Curmi, l-Arċipriet ta’ San Ġorġ il-ġdid, illum kellu l-ewwel laqgħa mal-kumitat tat-tmexxija tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-bandisti fi ħdana.  Mons. Curmi ġie milqugħ mill-President tas-Soċjetà s-Sur Paul M Casssar, s-Surmast Direttur l-Prof. Joseph Vella, s-Segretarju Amministrattiv is-Sur Michael Formosa u diversi uffiċjali oħra.

Mal-wasla tal-arċipriet, is-Sur Paul M Cassar għamel messaġġ tal-okkażjoni b’riferenza għall-kollaborazzjoni li dejjem kien hemm bejn is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-parroċċa ta’ San Ġorġ, b’mod partikolari f’dawk li huma kisbiet importanti li għamlet il-parroċċa matul is-snin.

Mons. Curmi minn naħħa tiegħu rringrazzja lis-Soċjetà għas-sehem li tagħti fid-diversi oqsma kulturali, fostom il-mużika, l-arti, t-teatru u bosta affarijiet oħra. L-arċipriet irrimarka li l-attivitajiet kulturali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella huma opportunità għaż-żgħażagħ tagħna u għalhekk joffru art fertili fejn ankè l-aspett pastorali jieħu dimensjoni mportanti.

Kemm l-arċipriet il-ġdid f’isem il-parroċċa u kemm il-president tas-soċjetà wegħdu lil xulxin koperazzjoni sħiħa biex matul is-snin li ġejjin isir aktar ġid kulturali u pastorali, fejn nieħdu ħsieb ukoll il-“fibra morali” li fi kliem l-arċipriet stess “qegħda dejjem tonqos f’pajjiżna”.

Lejn tmiem din il-laqgħa uffiċjali Mons. Joseph Curmi iffirma l-ktieb tal-viżitaturi waqt li ġew imfakkra l-appuntamenti tal-jiem li ġejjin fostom il-pussess tal-istess Arċipriet Curmi nhar il-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2016 u l-quddiesa ta’ringrazzjament tal-predeċessur tiegħu Mons. Pawlu Cardona il-Ħadd 4 ta’ Diċembru.  Għal aktar dettalji dwar dawn l-appuntamenti wieħed jista’ jidħol f’din il-link.