Join Us On:

News Archive

JUM L-IMWIET

Meta l-Knisja mqaddsa tiċċelebra t-tifkira tal-mejtin kollha, kull tieni jum ta’ Novembru ta’ kull sena, hija tistieden lill-fidili tagħha jiftakru fl-għeżież tagħhom li laħqu mietu qabilhom.  Ma huwiex dan il-jum, kiebi u iswed bħalma forsi hemm min jistħajlu u hekk ikejlu.  Imma, għall-kuntrarju, għandu jkun dan il-jum, jum fejn wieħed jara fejn ikun wasal f’ħajtu, fl-għożża tat-tifkira ta’ dawk il-persuni li l-aktar kienu qrib tiegħu u li jiftakar, waqt li jifhem li fejn kienu huma qabel, hekk huwa jinsab jgħix fil-preżent, u fejn jinsabu huma llum (f’qabar), hemm ser ikun il-post aħħari ta’ kull wieħed u waħda minna.  Il-bniedem, b’liġi tan-natura, jieqaf sal-qabar, in-Nisrani jgħix lil hemm mid-difna tiegħu.

Hekk, dan il-ħsieb, għandu jgħodd ukoll għas-Soċjetà La Stella, li f’dan il-jum tiftakar fl-erwieħ li sawwruha u għanewha tul is-snin, f’dawk l-għeżież li xtaqulha l-ġid, saħansitra f’dawk ukoll li forsi ma fehemithomx biżżejjed kif kellha tifhimhom dakinhar.  Tiftakar f’dawk li tant kinulha ta’ għajnuna biex issawret bħala Soċjetà.  L-impenn ta’ kull min iqis lilu nnifsu Ġorġjan u minn tal-Istilla jmur aktar minn hekk, għaliex mhux biss għanda aħna naħsbu f’dawk li l-memorja tagħna tiftakar, imma għandna wkoll infakkru t-tifkira ta’ dawk l-oħra li ħadd qatt ma għadu jiftakar fihom u li isimhom jinsab minsi fil-kotba u r-reġistri tal-istorja tas-Soċjetà u fil-ġrajjiet l-imgħoddija u l-minsija tal-Belt Victoria, ta’ Għawdex tagħna.  Huwa wkoll ta’ twiddiba, dan il-jum, għalina li għadna ħajjin, li bħalma sibna Soċjetà ħajja, hekk għandu jkun ukoll dmirna li ngħadduha aħjar milli sibniha lil dawk li f’ġieħ il-prosperità, għad iridu jitwieldu.

kwadri-117