Join Us On:

News Archive

INTERVISTA MAX-XENOGRAFU JOSEPH CAUCHI

Illum dehret intervista mill-Kav. Joe M Attard max-xenografu tat-Teatru Astra Joseph Cauchi fil-Mument tal-lum.  Għal dawk li ma rawhiex qed nirriproduċuha hawnhekk.

Ix-xenografu Joseph Cauchi

Bħalissa jinsabu resqin lejn it-tmiem tagħhom l-aħħar preparamenti biex iktar tard dan ix-xahar, fuq il-palk tat-Teatru Astra, Victoria, Għawdex tittellgħa l-Opra Nabucco.  Aspett importanti f’kull xogħol tal-palk huwa bla dubju ta’ xejn ix-Xenografija.  It-Teatru Astra jista’ jiftaħar li fi ħdanu għandu għadd ta’ żgħażagħ u rġiel li jmiddu jdejhom f’dan il-qasam.  Il-Kav. Joe. M. Attard iltaqa’ ma l-artist Għawdxi,  Joseph Cauchi li huwa wieħed mill-protagonisti ta’ l-opra fit-Teatru Astra tal-Belt Victoria.

Joseph, illum inti stabilixxejt ruħek bħala xenografu ta’ ħila u mfittex.  Kif nibtet fik din il-ħajra li tibda tħażżeż, tiddesinja, tiżbogħ u toħloq xenarju għal tant opri u xogħlijiet oħra li ttellgħu fuq il-palk tat-teatru Astra matul is-snin?  Min kien li mexxiek u għallmek?

–          Bdejt it-taħriġ fl-arti, fl-iskola Tarġa Gap taħt id-direzzjoni tal-artisti u skulturi Ġanni Bonnici u Anthony Calleja. L-ewwel kummissjonijiet ta’ arti tiegħi, wara li temmejt l-istudji tiegħi kienu internal designs ta’ stabbilimenti ta’ divertiment ġewwa Għawdex.  Segwew wara diversi xogħlijiet ta’ pittura u sussegwentament beda anke l-involviment tiegħi fil-Karnival. Għalkemm ftit wara bdejt ninvolvi ruħi fil-festa ta’ San Ġorġ Martri, żammejt lura milli nieħu kummissjonijiet ta’ xogħol marbuta mal-festi esterni. Eventwalment ir-rwol tiegħi fis-Soċjetà La Stella kompla bl-involviment dirett fi ħdan l-Għaqda Żgħażagħ La Stella u l-Għaqda ta’ l-Armar. Minbarra s-sehem li kelli fir-rinovazzjoni ta’ l-armar l-antik li tal-festa, kont parti mit-tim li tellgħu diversi produzzjonijiet fuq l-palk tat-Teatru Astra fosthom is-Seħer ta’ Calypso, Il-Qassis li Rebaħ u l-operettti fosthom il-Geisha.   Dak iż-żmien ukoll ħdimt fuq il-palk tat-Teatru Manoel (Merry Widow) u Dar il-Mediterran (Chess (musical)).

–          L-ewwel involviment tiegħi fl-opra kien proprju fl-ewwel rappreżentazzjoni tan-Nabucco li saret fit-Teatru Astra, għoxrin sena ilu. Dak iż-żmien kont responsabbli li nipprepara parti mix-xenorgrafija. Għalhekk nista’ ngħid li n-Nabucco hija waħda mill-aktar opri għal-qalbi.

Jiena li nafek sew issa, għal ħafna snin preżenti fuq dan il-palk tat-Teatru Astra, involut f’ħafna opri u xogħol ieħor teatrali.  Meta tħares lura, dan x’sodisfazzjon jagħtik?

L-akbar sodisfazzjon hu li naħdem f’ambjent ta’ tim, kollu ffurmat minn voluntiera li jaħdem b’għan wieħed.  B’sodisfazzjoni ngħid li rawwimt lil numru ta’voluntiera fl-arti sabiħa tax-xenografija, fosthom lil Andrew Portelli, li jassistini fix-xenografija u li llum għandu sehem importanti fil-kostruzzjoni ta’ l-impjant li fuqu ssir x-xenografija.  Il-kummenti tal-pubbliku, l-artisti u r-reġisti differenti li ħdimt magħhom dejjem kien ta’ apprezzament kbir.

–          Kelli x-xorti niltaqa’ ma’ artisti kbar, fosthom t-tenur ta’ fama mondjali Joseph Calleja, li ltqajt miegħu tlett darbiet.  Niftakar id-debut tiegħu fl-1997 meta kont għamilt l-ewwel darba x-xenarju ta’ l-opra Macbeth.

–          Ninnota wkoll li l-opra fit-Teatru Astra qed iżżid il-popolarità tagħha, u nħoss li x-xogħol tiegħi u ta’ sħabi qed jiġi apprezzat.

JMJ_9053

Xena mis-sett ta’ Otello fit-Teatru Astra tas-sena l-oħra (Ritratt: Joe Attard)

Is-Soċjeta’ La Stella, kif taf int, torganizza wkoll il-festa tal-Megalomartri San Ġorġ matul it-tielet Ħadd ta’ Lulju.  Ċert li int imċappas waħda sewwa hawn ukoll.  X’inhu s-sehem tiegħek?

–          Jiena nifforma parti mill-Għaqda Armar San Ġorġ Martri (Belt Victoria).  F’dawn l-aħħar snin nista’ ngħid li bil-ħidma ta’ sħabi biddilna l-libsa fina ta’ armar li l-Belt Victoria tilbes fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u konna protagonisti f’diversi opri ta’ l-arti, li b’sodisfazzjon ngħid li numru minnhom saru fuq disinn tiegħi. Kull min xi darba jew oħra kien preżenti għall-Festa ta’ San Ġorġ ċert li japprezza l-kwantità bi kwalità ta’ opri li jżejnu l-Belt Victoria.

San Ġorġ Martri fuq bandalora mpinġi minn Joseph Cauchi għall-festa ta' San Lawrenz. (Ritratt ta' Anthony Grech)

San Ġorġ Martri fuq bandalora mpinġi minn Joseph Cauchi għall-festa ta’ San Lawrenz. (Ritratt ta’ Anthony Grech)

Nifhem li bħalissa għaddej b’rittmu mgħaġġel  fil-preparazzjoni tal-Opra Nabucco li ser tittellgħa iktar tard dan ix-xahar.  Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek taħdem spalla ma’ spalla ma’ tant reġisti magħrufa matul is-snin? 

F’ dawn l-aħħar snin kelli l-opportunità li naħdem ma’ diversi reġisti ta’ fama mondjali fejn kelli ċ-ċans napprezza l-viżjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-opra. Insemmi lil Joseph Bascetta, Mario Corradi, Abrahma Borg, Mario Gandini u Enrcio Stinchelli, r-reġista attwali li miegħu għandi relazzjoni ta’ xogħol eċċellenti.  Ix-xogħol fuq ix-xenarju tan-Nabucco issa wasal f’fażi avvanzata ħafna, fil-ħin biex ikunu jistgħu jsiru r-rehersals fuq il-palk.

Tiftakar xi esperjenza mhux komuni li stajt iltqajt magħha kemm ilek taħdem fuq il-palk tal-Astra?
 
Minbarra d-debut ta’ Jospeh Calleja fl-1997, nibqa’ niftakar il-memorja ta’ l-opra ta’ l-2011,  Norma – l-ewwel opera diretta minn Enrico Stinchelli, meta kru tal-programm Loggione ta’ Canale 5 ġie fit-Teatru Astra u tella’ programm fuq l-opra tat-Teatru Astra fuq dan l-istazzjon prinċipali Taljan, fejn fost l-oħrajn ix-xenarju spettakolari li jien u t-tim tiegħi ħdimna, ħa prominenza quddiem udjenza mondjali fuq it-televixin.

Taqbel miegħi, naħseb Joseph, li biex tittellgħa Opra, trid eluf kbar ta’ liri, imma s-Soċjeta’ La Stella tista’ tiftaħar li għad għandha fi ħdanha bosta voluntiera li jagħtu ħafna mill-ħin liberu tagħhom fuq il-palk bħalma naħseb li qed tagħmel int.  Tara iżda, li l-volontarjat qed jonqos? 

Għalkemm nifhem u jien konxju li l-volontarjat għandu l-isfidi tiegħu, però b’sodisfazzjon nista’ ngħid li l-esperjenza tiegħi fit-Teatru Astra hi waħda posittiva. B’sodisfazzjon il-produzzjonijiet fit-Teatru Astra dejjem kellhom warajhom tim ta’ voluntiera.  Ix-xogħol li jsir b’mod volontarju joffri riżultat aħjar u isbaħ milli kieku jkun kuntrattat, għaliex isir mill-qalb u b’sens ta’ appartenenza lejn il-lokal. Din hi l-esperjenza tiegħi fit-Teatru Astra. Ippremettili nsellem lil veteran Carmelo Zammit li għaddejt u bi pjaċir għadni nqatta’ siegħat twal ta’ ħidma miegħu fuq il-palk tat-Teatru Astra.

Tara li l-apprezzament għall-palk qed jonqos jew qed jiżdied?

L-esperjenza tal-palk hi waħda ta’ sodisfazzjon kbir u mil-lenti tat-Teatru Astra, minkejja d-diffikultajiet kollha li l-ħajja tal-lum iġġib magħha, l-apprezzament tal-pubbliku, li hu rifless mill-udjenza li l-opra tagħna jkollha, qed jiżdied.

DSC_0039

Xi wħud minn dawk li jgħinu lil Joseph Cauchi waqt il-kostruzzjoni tax-xeni

It-Teatru Astra għandu s-sapport mill-Gvern Malti permezz tal-Cultural Partnership Agreement, Bank of Valletta, General Softdrinks, Citadel Insurance u l-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria.
 
Biex wieħed jirriserva post jew jixtri xi biljetti, għandu jikkuntattja l-uffiċċju tal-Festival fuq in-numri 21550985 jew 79256897, inkella bl-email [email protected]. Is-sit elettroniku tal-Festival, www.mediterranea.com.mt jagħti l-aħħar aġġornamenti kemm fuq l-Opra u kif ukoll fuq il-Festival.