Join Us On:

News Archive

FESTA TA’ POPLU

11717428_10204343069888163_8225173840086303715_o

Kemm il-darba smajniha l-frażi “Festa ta’ Poplu”?  Imma ta’ San Ġorġ Martri fil-Belt Victoria hekk hi – “Festa ta’ Poplu”. Festa li n-nies jiġu għaliha speċifikament biex igawdu l-briju, l-armar u rikkezza ta’ mużika li għandhom kemm il-Bażilika ta’ San Ġorġ f’dik li hi mużika sagra u kemm il-Banda Ċittadina La Stella fejn jidħlu marċijiet ta’ briju.

In-nies ħonqu l-pjazez tal-Belt Victoria l-ġimgħa kollha u dan biss huwa ta’ sodisfazzjon kbir għax għal darba oħra wrejna li għall-festa ta’ San Ġorġ la l-post, la l-ġurnata u l-anqas il-ħin ma jagħmlu differenza – nies se jkun hemm dejjem.

11228508_1030196383670782_1834745321279211259_n

Nhar is-Sibt filgħodu s-Soċjetà tagħna kellha viżità mill-Eċċelenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, fejn iffirmat il-ktieb tal-viżitaturi fil-preżenza tal-membri tal-kumitat. Hija kellha okkażjoni tiltaqa ma’ bosta partitarji li ta’ kull sena jiltaqgħu għar-riċeviment tal-festa. Wara messaġġ mill-President tas-Soċjetà, is-Sur Paul M Cassar, L-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca inkoraġġit ix-xogħol volontarju li jsir fis-soċjetà tagħna biex l-aspett kulturali u mużikali tal-gżira jkompli jogħla. Il-President irrimarkat ukoll li bħalna hija wkoll “Ġorġjana” peress li ġejja mill-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi.

DSC_0378

Filgħaxija mbagħad, wara l-marċ grandjuż tal-Banda tagħna flimkien mal-King’s Own tal-Belt Valletta, n-nies assistew għall-spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika ta’ livell tajjeb ħafna.  Prosit imur lil dawk kollha li ħadmu għalih speċjalment l-Għaqda Żgħażagħ La Stella għax din ċertament ma kinitx faċli.

Ta’ min isemmi li din is-sena ġie mżanżan marċ brijuż ġdid bl-isem ta’ Michelangelo, kompożizzjoni tas-Surmast Archibald Mizzi. Kull min kien preżenti nnota li dan il-marċ niżel tajjeb ferm mal-partitarji u għalkemm ġie mżanżan din is-sena għall-ewwel darba nistgħu ngħidu li għamel suċċess kbir. Intant nhar il-Ħadd filgħodu ġie iffirmat l-kuntratt ta’ għotja ta’ dan il-marċ quddiem in-nutar tas-Soċjetà Dr Paul Pisani. Din id-donazzjoni lis-soċjetà saret mis-Segretarju Amministrattiv tal-istess soċjetà is-Sur Michael Formosa.

11745469_1030608823629538_1907087812363315312_n

Fil-media sar ukoll rappurtaġġ fuq il-festa ta’ San Ġorġ fostom artiklu ntitolat “Festa ta’ Poplu”.  Wieħed jista’ jaraħ f’dan il-link.  Fil-paġna tal-Facebook tar-Radju Leħen il-Belt Victoria hemm numri ta’ albums tar-ritratti miġbuda minn Anton Farrugia li taw coverage tal-festa. Poġġejna wkoll link ta’ filmat miġbud minn CVC fuq il-festa ta’ San Ġorġ – prosit tassew għall-livell eċċellenti tal-produzzjoni.

(Ritratti: Ted Attard u CVC)