![]() |
||
![]() |
![]() |
![]() |
|
|
|
|||||||||||||||||||||||
![]() | |||||||||||||||||||||||||
Prof. Joseph Vella
Surmast Direttur Banda Ċittadina “La Stella”
Joseph Vella hu wieħed mill-aqwa kompożituri ta’ żmienna b’fama internazzjonali. Hu kiteb bosta xogħlijiet mużikali magħrufa li jinkludu fosthom solo, chamber, korali u sinfoniċi. Il-kompożizzjonijiet tiegħu ġew imtella’ fl-Ewropa kollha, l-Amerika u l-Ġappun.
Il-lista twila ta’ xogħlijiet ta’ Vella tinkludi seba’ concerti, (tnejn għall-pjanu, tnejn għall-vjonlinċell, u wieħed għall-flawt, il-fagott u l-vjolin), tliet sinfoniji (l-aħħar waħda hija The Apocalypse Verses, li ndaqqet għall-ewwel darba f’waħda mis-serati tal-Victoria International Arts Festival, fl-14 ta’ Lulju 2003, fl-okkażjoni tas-sbatax-il ċentinarju Ġorġjan), tliet oratorios, seba’ song cycles u żewġ cantatas. Minbarra dawn ix-xogħlijiet il-kbar insibu wkoll numru kbir ta’ xogħlijiet oħra li jinkludu innijiet liturġiċi, marċijiet brijużi u funebri. Ix-xogħlijiet tiegħu bħala kompożitur ġew imfaħħra fl-Italja, Spanja, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, il-Greċja, l-Irlanda, il-Bulgarija, Tokjo u l-Kanada. F’Settembru 2001 huwa ddirieġa l-Prometheus Symphony Orchestra ta’ New York waqt programm mużikali b’xogħlijiet minn tiegħu fil-Lincoln Center (Alice Tully Hall). Uħud mix-xogħlijiet tiegħu ġew ukoll irrikordjati fuq CDs.
Bħala direttur mużikali huwa mexxa diversi orkestri kemm f’Malta u kemm barra minn Malta (Malta National Orchestra, Sofia Philharmonic Orchestra, Prometheus Symphony Orchestra, Orquestra Nacional do Porto, Orchestra “Goffredo Petrassi” di Roma, “Gli Armonici” Palermo, Yamaha Foundation Symphony Orchestra, fost l-oħrajn). Permezz tar-rabta tiegħu mal-Malta Choral Society (1972-1982) hu introduċa f’Malta xogħlijiet korali minn repertorju tradizzjonali u kontemporanju: Requiem ta’ Mozart, Choral Symphony ta’ Beethoven, Carmina Burana ta’ Carl Orff, Ballad of Heros ta’ Britten, Te Deum ta’ Bruckner, Chichester Psalms ta’ Bernstein.
Fl-1970 Joseph Vella laħaq direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u tat-Teatru Astra u mexxa diversi produzzjonijiet li ttellgħu f’dan it-teatru, fosthom l-opri Rigoletto, Lucia di Lamermoor, Aida, Nabucco, Macbeth, Turandot, Forza del Destino, Gioconda, Trovatore, Traviata, Un Ballo in Maschera, Pagliacci, Suor Angelica, Cavalleria Rusticana fost tant oħrajn.
Joseph Vella huwa wkoll professur tal-mużika fl-Università ta’ Malta.