Join Us On:

BANDA  

Ritratt Paul M. Cassar

Merħba ! It-tagħrif li jwasslilkom dan is-sit elettroniku żgur li għandu jaġġornakom dwar il-ħidma tas-sezzjonijiet l-iktar vitali li għandha s-Soċjetà Filarmonika La Stella.

Inħoss li għandi nagħti prijorità lill-Banda, li hija l-fulkru ta’ kollox. Napprezza li qed issir ħafna ħidma biex ma tixxellifx ir-reputazzjoni tajba li din tgawdi. Nawgura li jingħaqdu magħna iktar diriġenti, għax tabilħaqq għandna qasam vast li jeħtieġ ħafna volontarjat.

It-Teatru Astra, bħal fl-imgħoddi, qed ikompli jirfed il-kamp kulturali ta’ pajjiżna bi produzzjonijiet ta’ klassi għolja, partikolarment fil-qasam tal-opra lirika. Din, bħal ħafna inizjattivi oħra tajba, qed ixxettel produzzjonijiet oħra li jżommu l-palk vast tat-Teatru Astra iktar ħaj.

Ma jonqosx, fl-aħħar nett, li nibqgħu nħeġġu l-entużjażmu tradizzjonali biex b’pompa u solennità jiġu ċċelebrati f’Lulju l-festi f’ġieħ il-Patrun ta’ Għawdex – San Ġorġ. Hu ta’ unur għalina li dawn il-festi baqgħu kklassifikati bħala l-pjuniera tal-festi tradizzjonali Għawdxin.

Għalhekk mill-ġdid nagħtikom merħba f’dan is-sit li fih jiġbor ħafna informazzjoni fuq il-pilastri tas-Soċjetà: Banda – Festa – Teatru, kif ukoll fuq id-diversi sezzjonijiet fi ħdanha li minbarra l-Banda tinkludi l-Għaqda tal-Armar, il-Grupp Folkloristiku Astra, is-Sezzjoni tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel, il-Grupp Teatrali, kif ukoll Festival Mediterranea.

Paul M. Cassar
President